Penalty lejn it-tmiem skorjat minn Lieke Martens poġġa lit-tim Olandiż mal-aħħar tmienja għas-spejjeż tal-Ġappun b’rebħa ta’ 2-1. Martens kienet fetħet l-iskor fis-17-il minuta meta minn korner, id-daqqa ta’ takkuna tagħha kienet imxellfa ftit minn Yuika Sugasawa u spiċċa fir-rokna ta’ isfel tax-xibka.
Il-Ġappun ġabet id-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima b’Yui Hasegawa tirċievi l-ballun quddiemha fil-kaxxa u skorjat b’xutt b’saħħtu minn qagħda ideali wara azzjoni brillanti. Hasegawa, Hina Sugita u Yuka Momiki marru viċin li jpoġġu lill-Ġappuniżi minn fuq.
Il-Ġappun li kellha 17-il plejer li lagħbu fl-ewwel Tazza tad-Dinja tagħhom, iddominaw l-aħħar 20 minuta u dehru l-aktar tim li seta’ jirbaħ. Hasegawa falliet it-tieni lasta bi ftit filwaqt li s-sostitut Yuka Momiki sfurzat lill-gowlkiper Olandiża Sari van Veenendaal biex twettaq save mill-isbaħ.
Iżda fis-87 minuta wasal il-mument deċiżiv meta xutt tal-plejer ta’ Arsenal Vivianne Miedema ħabat ma’ id Saki Kumagai, bir-referee mill-Honduras Melissa Borjas tordna l-penalty. Martens skorja b’xutt fuq in-naħa leminija tagħha.
Is-Sibt li ġej l-Olanda tilgħab kontra l-Italja f’Valenciennes wara rebħa ta’ 2-0 kontra ċ-Ċina. It-Taljani rritornaw fl-akbar kompetizzjoni wara nuqqas ta’ 20 sena u din ir-rebħa fissret li kellhom l-aħjar prestazzjoni fuq livell internazzjonali.
It-Taljani marru fil-vantaġġ wara kwarta meta l-attakkant Valentina Giacini skorjat mill-viċin wara li tentattiv ta’ Elisa Bartoli kien salvat parzjalment minn Peng Shimeng. Iċ-Ċina kellhom mument pożittiv fl-aħħar parti tal-ewwel taqsima iżda l-Italja rduppjat fid-49 minuta meta s-sostitut Aurora Galli skorjat b’xutt fil-kantuniera ta’ isfel minnbarra l-kaxxa.
Kwarti tal-finali
Il-Ħamis: Norveġja v Ingilterra 9.00pm
Il-Ġimgħa: Franza v Stati Uniti 9.00pm
Is-Sibt: Italja v Olanda 3.00pm, Ġermanja v Żvezja 6.30pm
//= $special ?>