Futbol Sport

L-Urugwaj tirbaħ il-grupp b’rebħa kontra ċ-Ċili

(Ritratt: EPA)

Gowl lejn it-tmiem ta’ Edinson Cavani tat rebħa ta’ 1-0 lill-Urugwaj fuq iċ-Ċili. B’din ir-rebħa huma assiguraw posthom fil-quċċata ta’ Grupp Ċ u mal-aħħar tmienja se jilagħbu kontra l-Perù. Iċ-Ċili se tilgħab kontra l-Kolombja, l-uniku tim li rebaħ it-tliet logħbiet tiegħu fit-tournament.

L-attakkant ta’ PSG kien fil-post it-tajjeb biex fit-82 minuta skorja b’daqqa ta’ ras preċiża wara kross ta’ Jonathan Rodriguez. Luis Suarez falla l-aħjar ċans tal-Urugwaj fl-ewwel taqsima meta kellu xutt li kien imxellef għal barra b’sieħbu qrib tiegħu.

Iċ-Ċili ddominat il-pussess tul il-logħba iżda l-Urugwaj tjiebet wara li l-midfielder Nicolas Lodeiro kien mibdul minn Nahitan Nandez wara l-ħin tal-mistrieħ. Dan kien l-ewwel konfront fil-Copa America mill-2015 f’logħba li kienet partikolari. Cavani kien tkeċċa fit-telfa tal-Urugwaj wara li rreaġixxa għal ġest ta’ Gonzalo Jara, bid-difensur ikun sospiż tliet logħbiet.

Gomez mhux se jirriżenja minn kowċ tal-Ekwador

Il-kowċ tal-Ekwador Hernan Gomez qal li ma jaħsibx li hu l-problema minkejja li t-tim kien eliminata mill-Copa America. L-Ekwador kellha tegħleb lill-Ġappun biex tikkwalifika mal-aħħar tmienja iżda bir-riżultat ta’ 1-1 kienu eliminati t-tnejn.

Il-Ġappun marret minn fuq wara kwarta meta Shoya Nakajima ħa vantaġġ minn żball tal-gowlkiper Alexander Dominguez u skorja b’konklużjoni minn barra l-kaxxa, gowl li kien konfermat bil-VAR minħabba suspett ta’ offside.

L-Ekwador ġabet id-draw fil-35 minuta meta xutt ta’ Robert Arboleda ġie salvat parzjalment minn Eiji Kawashima, b’Angel Mena jiskorja mill-qrib. L-Ekwador issa ilhom seba’ logħbiet mingħajr rebħa iżda Gomez mhux se jirriżenja.

“Ħadd mill-uffiċjali li ħatruni ma qaluli li l-futur tiegħu hu marbut ma’ dak li nagħmel jien fil-Copa America, għaliex kieku għamlu hekk ma kontx nieħu l-kariga Jien mhux se nirriżenja. Jekk iridu jkeċċuni mela jkeċċuni,” qal Gomez. Hu kompla li kowċ ieħor jidħol u jiġri l-istess affarijiet li jfisser jitolbu għal riżultat li ma jistgħux jipprovduhom u saħaq li ma jaħsibx li hu l-problema.

Fl-ewwel parti tat-tmexxija tiegħu, Gomez mexxa lill-Ekwador għall-ewwel fażi tal-finali tat-Tazza tad-Dinja fl-2002. Hu rritorna s-sena l-oħra wara li l-Ekwador sabitha diffiċli wara bidu pożittiv fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni qabel l-aħħar Tazza tad-Dinja.