Futbol Sport

Possibbiltà li Buffon jirritorna ma’ Juventus

(Ritratt: EPA)

Rapport fil-media Taljana qegħdin jirrappurtaw li jista’ jkun ritorn mhux mistenni fil-futbol Taljan. Dan mhu ħadd ħlief il-leġġenda Gianluigi Buffon li teżisti possibbiltà li żviluppat ilbieraħ biex jirritorna ma’ Juventus.

Jidher li l-gowlkiper Mattia Perin jixtieq iħalli l-klabb biex jilgħab aktar regolari u qed jipprova jsib soluzzjoni flimkien mal-aġent tiegħu. Ladarba Perin iħalli l-klabb, jidher li Buffon hu lest jiffirma kuntratt ta’ sena biex jagħlaq il-karriera maċ-champions Taljani. Buffon jidher li hu dispost li jkun il-gowlkiper ta’ riserva ta’ Wojciech Szczesny.

Buffon li għandu 41 sena, kien ingħaqad ma’ Juventus mingħand Parma fl-2001 u ħalla l-klabb sena ilu biex ingħaqad mal-klabb Franċiż Paris Saint-Germain. Hu kien regolari iżda kien jaqsam il-logħob mal-gowlkiper l-ieħor tal-klabb Franċiż Alphonse Areola.

Fost l-unuri ma’ Juventus, Buffon rebaħ il-kampjonat Taljan għal seba’ snin konsekuttivi kif ukoll il-Coppa Italia għal erba’ darbiet konsekuttivi. Jekk dan it-trasferiment iseħħ, Buffon ikollu ċans ieħor realistiku li jirbaħ il-UEFA Champions League li għadu ma rebaħx fil-karriera fejn saħansitra tilef tliet darbiet fil-finali.