Futbol Sport

Rebħiet għall-Kosta tal-Avorju u l-Mali, it-Tuneżija miżmuma mill-Angola

Gowl lejn nofs it-tieni taqsima kien biżżejjed biex il-Kosta tal-Avorju tegħleb lill-Afrika ta’ Isfel 1-0. Il-gowl deċiżiv wasal fl-64 minuta meta Max Gradel tefa’ kross preċiż mix-xellug lejn Jonathan Kodija, bil-plejer ta’ Aston Villa jikkontrolla l-ballun biex għeleb lil Ronwen Williams b’xutt fil-baxx. Nicolas Pepe laqat il-lasta fl-ewwel taqsima għall-Kosta tal-Avorju filwaqt li Thulani Hlatshwayo ra d-daqqa ta’ ras tgħaddi fuq il-mimduda għall-Afrika ta’ Isfel meta l-iskor ma kienx għadu nfetaħ.

Minn Grupp E, l-Angola kisbet punt kontra t-Tuneżija fi draw ta’ 1-1. Kienu t-Tuneżini li fetħu l-iskor wara 34 minuta meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Paizo fil-kaxxa fuq Naim Sliti. Mill-11-il metru Youssed Msakni ma żbaljax b’xutt b’saħħtu. L-Angola ġabet id-draw fit-73 minuta meta xutt ta’ Mateus ġie salvat parzjalment minn Farouk Ben Mustapha, b’Djalma jkun pront biex xeħet għal ġewwa mill-viċin.

F’logħba oħra mill-istess grupp, il-Mali rebħet 4-1 kontra l-Mauritania. Abdoulaye Diaby fetaħ l-iskor fis-37 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa, biex Moussa Marega rdoppja minn penalty qabel tmiem l-ewwel taqsima. Adama Traore għamilhom 3-0 fil-55 minuta b’xutt fil-55 minuta mil-linja tal-kaxxa l-kbira. El Hacen El Id naqqas id-distakk minn penalty fit-72 minuta iżda reġa’ kien Adama Traore li skorja r-raba’ gowl tal-Mali bi ġmiel ta’ xutt minn barra l-kaxxa.

Grupp D

Kosta tal-Avorju v Afrika ta’ Isfel 1-0

Grupp E

Tuneżija v Angola 1-1, Mali v Mauritania 4-1

Logħob li jmiss

Grupp F

Kamerun v Guinea-Bassau 7.00pm, Ghana v Benin 10.00pm