Sport Waterpolo

Rimonta fl-aħħar sessjoni tippremja lil Exiles

(Ritratt: Matthew Tabone)
Rebħa missielta għal Marsaxlokk

SAN ĠILJAN TUM INVEST……… 12 EXILES ELIA CATERERS……….. 12

(4-2), (1-3), (4-2), (3-5)

Rimonta mill-isbaħ ta’ Exiles Elia Caterers tat punt importanti filwaqt li ċaħdet lil San Ġiljan TUM Invest minn żewġ punti importanti. Dawn it-tnejn mistennija jkunu fil-Kampjonat Premier u għalhekk dan id-draw jgħodd ukoll għat-tieni fażi tal-istaġun.

Exiles kellhom jirkupraw darbtejn meta deher li se jitilfu l-logħba. Mertu għandu jmur għall-kowċ Igor Vukanovic li uża s-saħħa ta’ Milos Vukicevic biex għamel il-ħsara lill-avversarji filwaqt li kien hemm titjib sinifikanti fuq l-ewwel żewġ logħbiet.

Kollox deher faċli għal San Ġiljan meta bnew vantaġġ ta’ 4-0 b’gowls ta’ Matthew Zammit, doppjetta ta’ Niksa Dobud u Andreas Galea. Exiles naqqsu d-distakk b’żewġ gowls fl-ewwel sessjoni minn Milos Vukicevic biex irnexxielhom idawru l-iskor fit-tieni sessjoni bi tliet gowls konsekuttivi, sakemm gowl lejn tmiem is-sessjoni ta’ Guillermo Molina daħħal liż-żewġ timijiet jistrieħu ndaqs.

Sa nofs it-tielet sessjoni l-iskor kien 7-7 iżda gowls minn Dino Zammit u Niksa Dobud taw vantaġġ doppju lill-Ġiljaniżi. Fl-aħħar sessjoni kien mistenni li San Ġiljan jikkonsolidaw il-vantaġġ u wara li Vukicevic naqqas id-distakk, doppjetta fi ftit sekondi ta’ Matthew Zammit dehret li setgħet tagħlaq il-logħba, b’Dobud ikabbar id-distakk għal erba’ gowls b’ħames minuti u nofs għat-tmiem.

Nicky Paris wieġeb immedjatament u doppjetta ta’ Timmy Sullivan f’anqas minn minuta fetħet il-logħba beraħ. San Ġiljan ma kellhom l-ebda risposta u kien xutt b’saħħtu ta’ Milos Vukicevic li ġab id-draw b’minuta u nofs għat-tmiem. Il-Ġiljaniżi ma kienx fadlilhom wisq ħin biex jiskorjaw il-gowl tar-rebħa, b’Exiles jiddefendu bl-aħjar mod possibbli biex it-tisfira finali ntlaqgħet minn sodisfazzjon mill-plejers ta’ Exiles.

San Ġiljan: J. Tanti, B. Grech, A. Galea (1), N. Dobud (4), G. Molina (1), M. Zammit (3), B. Plumpton (2), K. Dowling, T. Said, Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (1), T. Micallef, J. Bonavia, A. Saliba

Exiles: M. Castillo, M. Stellini, A. Magri, M. Jelaca (1) , T. Sullivan (3), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, M. Vukicevic (6), A. Cousin, N. Paris (2), P. Paris, M. Martin, S. Apap

Referees: Stefan Licari, Mirko Schiavo

Marsaxlokk pass eqreb lejn il-Kampjonat Premier

OTTERS NIVEA…………………….. 16 MARSAXLOKK BROWN’S……. 18

(3-4), (4-3), (2-8), (7-3)

Marsaxlokk Brown’s Pharmacy komplew jersqu lejn post fil-Kampjonat Premier b’rebħa diffiċli aktar milli mistenni fuq Otters Nivea. Il-prestazzjoni tax-Xlukkajri ma kinitx mill-aqwa iżda straħu fuq il-kwalità tar-Russu Ivan Nagaev li skorja aktar minn nofs il-gowls tat-tim tiegħu.

Otters taw dak li setgħu bil-limitazzjonijiet tagħhom. Huma spiċċaw il-logħba mingħajr ħames plejers u biż-żewġ barranin fuq żewġ fawls sa mit-tieni sessjoni. Fit-tielet sessjoni naqset l-intensità li kellhom u ma kellhomx risposta għall-gowls konsekuttivi.

L-ewwel sessjoni kienet karatterizzata minn botta u risposta, b’Otters iwieġbu tliet darbiet għal gowls ta’ Stephen Micallef, Ivan Nagaev u Andrija Vlahovic. Kien Nagaev li daħħal lil Marsaxlokk minn fuq fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Otters baqgħu jżommu ‘l pass mal-avversarji u saħansitra marru 7-5 minn fuq b’gowls ta’ Aleandro Mifsud, penalty ta’ Ferenc Salamon, Milos Filipovic u Edward Meli. Madankollu reġa’ kien Ivan Nagaev li rkupra l-iżvantaġġ b’doppjetta qabel tmiem it-tieni sessjoni.

Nagaev u ġmiel ta’ gowl ta’ Andrija Vlahovic wittew it-triq għar-rebħa Xlukkajra. Otters pruvaw iżommu d-distakk ta’ żewġ gowls iżda Marsaxlokk skorjaw permezz ta’ Timmy Agius, doppjetta ta’ Nagaev u ieħor ta’ Vlahovic biex aċċertaw mit-tliet punti b’vantaġġ komdu ta’ 15-9.

Marsaxlokk irrilassaw fl-aħħar sessjoni u ppermettew lil Otters jaqtgħu d-distakk bin-nofs. Marsaxlokk reġgħu kabbru l-vantaġġ għal 18-13 iżda Otters temmew il-logħba bi tliet gowls konsekuttivi u anki ttantaw jibqgħu fil-logħba fl-aħħar minuta.

Otters: D. Camilleri, C. Spiteri Debarro (1), F. Salamon (3), L. Hyzler, E. Meli (4), M. Lanzon, K. Scicluna, G. Mizzi, A. Mifsud (4), D. Zahra, B. Lanzon, M. Filipovic (4), M. Xerri, D. Dimech, C. Teuma

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Rizzo, T. Agius (1), J. Galea, A. Vlahovic (3), I. Nagaev (10), S. Micallef (1), R. Scerri (1), M. Martellacci, O. Zammit, L. Saliba, M. Pace (1), K. Galea (1)

Referees: Massimo Angileri, Marko Schiavo