Open Day is-Sibt li ġej, 29 ta’ Ġunju mtella’ mill-BirlLife Malta fir-riserva naturali tal-Għadira. Permezz ta’ stqarrija BirdLife qalu il-pubbliku bejn is-7 ta’ filgħodu u l-10 ta’ filgħodu se jkun jista’ jara speċi differenti ta’ għasafar u kif ukoll il-frieħ il-ġodda wara r-Rebbiegħa.
BirdLife Malta qalet li l-2019 s’issa kienet pożittiva għall-għasafar li jbejtu f’Malta f’għadda ta’ speċi differenti li ġew osservati kemm fir-riżervi naturali tal-BirdLife u anke f’postijiet differenti madwar Malta u Għawdex.
Aktar kmieni dan ix-xahar faqqsu l-frieħ ta’żewġ pari Fras-servjenti li kellhom erbat ifrieħ kull wieħed. Fl-istqarrija ġie nnutat kif għasafar adulti ma ddejqu xejn ikeċċu għasafar oħrajn li jqisuhom bħala theddida għall-frieħ tagħhom. Dawn il-Fras-servjenti reġgħu bejtu f’pajjiżna wara li fir-rebbiegħa ta’ sena dawn it-tip ta’ għasafar ma bejtux f’pajjiżna. Fl-istqarrija BirdLife qalet li laqgħet dan l-iżvilupp bħala xi ħaġa sodisfaċenti.
Suċċess ieħor li ġie nnutat minn BirdLife kien fl-għasafar tal-Monakelli li għal sena oħra regġħu bejtu fir-riserva tal-Għadira. F’din ir-rebbiegħa, ir-riżerva ospitat żewġ pari li bejtu b’suċċess din is-sena u li t-tnejn kellhom tlett ifrieħ. Fl-istqarrija, BirdLife qalet ukoll li huma mistennija aktar frieħ minn dawn it-tip ta’ għasafar, li reġa’ bejjet għat-tieni darba.
Intant l-istqarrija kompliet billi qalet li anki fir-Riserva Naturali tas-Salina, fejn hemm għaddej xi xogħol ta’ restawr tal-abitat wara li s-sit għadda f’idejn BirdLife Malta, kien hemm żewġ pari Glalez Suwed li bejtu darbtejn b’suċċess sa mill-bidu ta’ Jannar. Kemm il-Ġaħġaħ kif ukoll l-Għasfur tal-Bejt kienu nnutati jbejtu kemm fil-ħitan tas-Salini kif ukoll fil-bejtiet artifiċjali li twaħħlu fil-post.Ir-riserva ospitat ukoll ammont sostanzjali ta’ buful ta’ speċi differenti: il-Bufula Sewda, il-Bufula tal-Għollieq u anke l-Bufula tal-Imrewħa.