Futbol Sport

Birkirkara jsaħħu l-iskwadra bi tliet akkwisti importanti

Birkirkara għamlu tliet akkwisti importanti fit-tentattiv li jirritornaw mal-aqwa timijiet fil-futbol lokali meta akkwistaw uffiċjalment lil Enrico Pepe, Miguel Alba, tliet plejers b’esperjenza fil-futbol lokali. Mill-istaġun li għadda, Birkirkara żammew biss lil Jorge Pereira da Silva u Maurizio Vella li kienu akkwistati f’Jannar li għadda.

Il-veteran Roderick Briffa ffirma kuntratt ta’ sena mal-klabb. Il-plejer ta’ 37 sena hu prodott tal-istess klabb li kien għamel id-debutt miegħu lura fl-istaġun 1998/99. Hu ħalla l-klabb fl-2007 biex ingħaqad ma’ Sliema Wanderers, wara li matul it-tmien snin kellu esperjenzi b’self ma’ Lija Athletic u Pietà Hotspurs. Briffa dam staġun u nofs ma’ Sliema qabel ingħaqad ma’ Valletta f’Jannar tal-2009.

Mal-Beltin kellu l-aktar perjodu ta’ suċċess hekk kif fost l-unuri, rebaħ il-kampjonat erba’ darbiet minbarra darba ma’ Birkirkara. Żewġ staġuni ilu, Briffa ngħaqad ma’ Gżira United fejn baqa’ regolari u għen lill-Maroons jispiċċaw darbtejn fit-tielet post. Briffa hu rebbieħ darbtejn tal-Plejer tas-Sena tal-MFA.

Mix-xellug: Il-President ta’ Birkirkara Frank Zarb, Miguel Alba u t-Team Manager ta’ Birkirkara Jeffrey Farrugia

Miguel Alba ffirma kuntratt ta’ sentejn. Għal Alba dan se jkun ritorn wara li f’Jannar tal-2017 kien lagħab mal-Istripes sa tmiem l-istaġun iżda ma baqax mal-klabb. Alba li għandu 30 sena, irritorna fil-Kampjonat Premier f’Jannar tas-sena l-oħra ma’ Valletta u speċjalment fl-istaġun li għadda spikka fir-rebħ tal-kampjonat li rebħu l-Beltin. Ma’ Valletta, Alba rebaħ darbtejn il-kampjonat, l-FA Trophy u s-Super Cup u fl-MFA Awards ta’ din is-sena ġie magħżul bħala l-aqwa Plejer Barrani.

Enrico Pepe ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Dan se jkun il-ħames staġun tad-difensur f’pajjiżna fejn matul is-snin stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa fl-irwol tiegħu. It-Taljan ta’ 29 sena kien inġieb ma’ Floriana fl-istaġun 2015/16 u lagħab magħhom għal żewġ staġuni fejn rebaħ l-FA Trophy u s-Super Cup. Fl-istaġun li għadda hu ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans u kien parti integrali mit-tim li spiċċa l-kampjonat fir-raba’ post.

Fl-istaġun li għadda, Birkirkara spiċċaw fis-seba’ post u għalhekk mhux se jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej għat-tieni darba fl-aħħar tliet staġuni.


Mix-xellug: Id-Direttur Tekniku ta’ Birkirkara Michael Valenzia, Enrico Pepe u t-Team Manager ta’ Birkirkara Frank Zarb