Futbol Sport

Chris Bonett jibbaża l-programm ta’ ħidma fuq ħames prinċipji

Ħames prinċipji jsawru l-programm ta’ ħidma tal-kandidat għall-kariga ta’ President tal-MFA Chris Bonett. Il-programm ta’ ħidma tiegħu hu bbażat fuq proċess bejn Jannar u Mejju, b’Chris Bonett jgħid li qed jagħti lura dak li ntqal lilu mill-klabbs.

Il-ħames prinċipji tiegħu huma l-poter lill-klabbs, il-kummerċjalizzazzjoni, il-logħba fiċ-ċentru tal-ħidma tal-MFA, l-iżvilupp tal-klabbs u l-plejers biex isiru professjonali u l-komunikazzjoni kostanti bejn it-tmexxija tal-MFA u l-klabbs.

Bonett ħejja pjan pjuttost ambizzjuż iżda rabat lilu nnifsu ma’ dawn il-wegħdiet fejn qal li “jekk dawn ikunu jiddependu minnu u ma jseħħux hu jdabbar rasu.” Fost l-akbar żewġ ħsibijiet li għandu jispikkaw il-ħolqien ta’ kumpanija ġdida li tieħu ħsieb l-aspett kummerċjali u r-ristrutturar qawwi fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Tinħoloq kumpanija kummerċjali

Dwar il-kumpanija ġdida, Bonett qal li din titmexxa minn persuna apposta biex b’hekk is-Segretarju Ġenerali tal-MFA jkun jista’ jikkonċentra fuq l-aspett marbut mal-futbol. Din il-kumpanija tiġbor fiha l-aspetti kummerċjali. L-istruttura ta’ din il-kumpanija tkun b’ishma ta’ 45% tal-MFA u 55% tal-klabbs. Il-Bord tad-Diretturi ta’ din il-kumpanija jkun magħmul minn chairman, erba’ rappreżentanti tal-MFA u erba’ rappreżentanti mill-klabbs. L-impjegati ta’ dawn id-diversi setturi se jkunu trasferiti f’din il-kumpanija.

Il-proġett tal-Istadium Nazzjonali

Parti mill-proġett kummerċjali jinkludi x-xogħol estensiv fl-Istadium Nazzjonali. Dan il-proġett hu fuq sitt snin u jinvolvi spiża ta’ €30 miljun. Fl-ewwel tliet snin, Bonett għandu mira li jitlestew wara l-lasti bi spiża ta’ €18.3 miljun fejn se jitressaq is-seating taż-żewġ naħat għal wara l-lasta. Fil-post fejn bħalissa hemm is-seats, jinħoloq spazju kummerċjali li jkun mikri b’sub-ċens lil dak l-investitur li lest jiggarantixxi li jerfa’ l-ispiża biex isir il-bini u t-tlestija taż-żona fejn bħalissa hemm is-seats.

Bonett qal li fit-tieni fażi ta’ tliet snin isir ix-xogħol fil-West Stand fejn jinkludi l-uffiċini l-ġodda amministrattivi tal-MFA, tal-member associations, iċ-Ċentru Tekniku l-ġdid, il-kwartieri tat-tim nazzjonali eċċ. Hu sejjaħ din il-parti bħala d-dar il-ġdida tal-futbol Malti. Il-kapaċità tal-istadium se tkun dik ta’ 18,000 spettatur li se jkunu maqsuma fi tliet livelli ta’ 6,000 kull livell, jiġifieri għall-partiti tal-kampjonat jinfetaħ biss is-sular ta’ isfel.

L-Aspett Amministrattiv

“L-MFA trid toħroġ il-klabbs mill-comfort zone,” qal Bonett hekk kif għandu l-mira li joħloq skema li tiffinanzjaha l-MFA imbagħad tħalli f’idejn il-klabbs biex imexxu huma. Fost dawn hemm il-ħolqien ta’ Club Director bl-MFA tkun lesta li tħallas €15,000 lil kull klabb li jħaddem din is-sistema.

Chris Bonett ħabbar ukoll li jinħoloq dipartiment bl-isem ta’ Member Services Department li jservi ta’ one-stop-shop għall-esiġenzi kollha amministrattivi tal-klabbs. Dan minbarra diversi skemi. Hu faħħar is-sistema amministrattiva tal-COMET li bdiet titħaddem sena ilu iżda żied li għandu jinħoloq software biex isir aktar komdu l-aspett finanzjarju.

Proġett ieħor li bilfors irid isir hu dak tal-pitches minħabba li l-ewwel proġett li kien sar tajjeb, issa wasal iż-żmien li jerġgħu jinbidlu l-uċuħ sintetiċi. Hu għandu l-ħsieb għal proġett ta’ sitt snin b’nefqa ta’ €4.5 miljun li fih issir sistema ta’ ranking minn persuna barranija biex jiġi identifikat liema huma l-aktar fil-bżonn li jinbidlu.

Kampjonati Awtonomi

Fost il-miri immedjati li għandu għal kompetizzjonijiet aktar attraenti, Bonett għandu l-ħsieb li jinħolqu l-Premier League Association u l-Football League Association biex il-klabbs ikollhom il-poter li jieħdu ċertu deċiżjonijiet fuq il-kampjonati tagħhom.

Fl-ewwel tliet snin, Bonett ħabbar li jrid jinbena l-ewwel stadium fin-nofsinhar ta’ Malta b’nefqa ta’ €1.5 miljun u b’kapaċità ta’ 500 ruħ. Hu ħabbar li tingħata bidu għall-kompetizzjoni ġdida għat-timijiet tat-Tieni u t-Tielet Diviżjoni kif ukoll għall-klabbs Għawdxin kif ukoll jingħataw il-flus lill-klabbs skont il-klassifikazzjoni tat-timijiet fil-kampjonati rispettivi. It-total ta’ din l-inizjattiva hi ta’ €290,000. Skont Bonett, f’sitt snin il-kampjonati jkunu awtonomi mill-MFA.

Pjan Tekniku

Ħsieb partikolari ta’ Chris Bonett hu li jiġi identifikat stil ta’ futbol li jgħodd għall-pajjiżna u jitnieda sillabu nazzjonali. Aktar minn hekk bl-investiment fl-akkademja tal-MFA, sal-2024 ikun hemm ħames plejers li jilagħbu barra l-pajjiż fuq bażi professjonali u jemmen li bil-ħidma kollha li tkun saret, Malta tista’ tirbaħ il-grupp tagħha f’Diviżjoni D tal-UEFA Nations League fl-2026.

Bonett irid joħloq lifestyle professjonali għal tfal minn 10 snin u identifika sitt reġjuni li minnhom jinġabru 25 tifel li jidħlu fl-akkademja tal-MFA. Hawn jinħoloq ukoll dipartiment tal-iscouting li jsegwi dawn it-tfal minn Ottubru sa Jannar qabel issir l-għażla bil-ħsieb ta’ Bonett hu li jkun hemm persuni barranin li jagħmlu dan ix-xogħol. Hu qed iħares ukoll lejn karriera professjonali għall-plejers minn 17-il sena ‘l fuq kif ukoll issir preparazzjoni għal karriera wara l-futbol. Bonett hu kontra l-proposta li tim Malti jieħu sehem f’kampjonat barra l-pajjiż.

Assoċjazzjoni Serja

Chris Bonett tkellem ukoll dwar il-bżonn li l-governanza tal-MFA tibda titkellem dwar iż-żminijiet tal-lum. Hu saħaq dwar l-importanza li President tal-MFA ikun preżenti l-ħin kollu u żied li bħala parti mir-responsabbiltà tat-tliet Viċi Presidenti jkollhom responsabbiltà ta’ madwar 18-il klabb biex huma jkollhom referenza.Bonett kompla li jrid ilaqqa’ l-Kunsill tal-MFA aktar regolari u lest li jagħmel il-pagi tal-ogħla uffiċjali tal-MFA pubbliċi biex iżid il-kontabbiltà tal-assoċjazzjoni.