Lokali

“Qalbha kienet qalb ħelwa, umli u mimlija b’Ġesu”

Illum tingħata l-aħħar tislima lil Elisa Buhagiar – Il-funeral jibda fit-3:30PM.

Bosta qraba u ħbieb mistennija jinġabru fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż-Żebbuġ sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Elisa Buhagiar – iċ-ċkejkna ta’ 10 snin li tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku viċin Popeyes Village mill-aktar sfortunat.

Elisa Buhagiar twieldet il-Hamis 30 t’ April 2009, bint Joseph u Rachelle Buhagiar.  Hi kienet tattendi l-iskola St.Joseph tal-Blata l-Bajda u kienet fil-ħames sena.

Elisa kienet diskritta bħala tifla ferriħija, attiva, tħobb il-ħajja, sportiva, mimlija enerġija u imħabba – dan ħareġ biċ-ċar f’kummenti li ta lil NET News għalliem tad-drama tal-istess ċkejkna.

Il-karetteristika prinċipali tagħha kienet it-tgħanniqa li kienet thobb tagħti lil kull min tiltaqa’ miegħu – tgħanniqa mimlija għozza u imħabba. 

Kliemha kien ħelu u bil-mod kif tpoggieh, kien jirnexxielha tħoll il-qalb ta’ kulħadd. Kienet tifla perseveranti li taf xi trid u ma tieqafx qabel tasal għall-għanijiet tagħha.  Elisa kienet tapprezza r-rigali kollha tal-ħajja u dan kien rifless fit-talb sabiħ ta ringrazjament li kienet tikteb.

Elisa kellha imħabba specjali lejn l-annimali u b’għozza kbira kienet tindukrhom u titfissed magħhom.  Kienet tħobb tqatta ħafna ħin ħdejn il-baħar filwaqt li togħdos għal qxur tal-baħar.  Il-kant kellu wkoll post speċjali f’qalb it-tifla ta’ 10 snin.

It-talb kien centrali għall-ħajja tagħha – Kemm il-darba kienet tħeġġeġ lill-familja tagħha biex jgħidu t-talba tar-Rużarju u ta’ qabel l-ikel. 

Qalbha kienet qalb ħelwa, umli mimlija b’Ġesu – Sikwit kienet tisħaq: “Jien ta’ Gesu”.

Bosta studenti, qraba u għalliema ddeskrivewha bħala tifla dejjem bi tbissima fuq fommha, qalbha tad-deheb u studenta eżemplari.

Elisa tilfet il-battalja mal-mewt wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku nhar il-Ħamis, 20 ta’ Ġunju.

Filwaqt li l-funeral ser isir fit-3.30 ta’ wara nofsinhar – il-familja qed titlob sabiex min jattendi jilbes l-abjad jew roża.