Lokali

Gafà kien preżenti wkoll f’laqgħa li fiha kienu diskussi l-visas għal-Libjani

Minn rapport fis-sit elettroniku The Libya Observer li deher fit-22 ta’ Ġunju, 2019, jirriżulta li f’laqgħa fi Tripli li għaliha kien preżenti Neville Gafà kienet diskussa l-kwistjoni tal-visa biex il-Libjani jidħlu Malta.

Neville Gafà kien involut ftit taż-żmien ilu dwar kwistjoni taħraq rigward il-ħruġ ta’ visas mediċi lil xi Libjani li riedu jiġu jikkuraw ruħhom f’Malta.

Hu tneħħa minn kull kariga li b’xi mod kellha x’taqsam mal-Ministeru tas-Saħħa, iżda mbagħad għadda għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn jingħad li qed jaħdem mill-qrib ma’ Keith Schembri.

Ir-rapport dwar din il-laqgħa deher f’The Libya Observer taħt it-titlu Libya, Malta discuss resuming flights between both countries u kien jirreferi għal laqgħa li l-Ministru tat-Trasport Libjan, Milad Matouq, kellu mal-Ambaxxatur Charles Saliba u d-delegazzjoni tiegħu li kienet tinkludi lil Neville Gafà.

Gafà kien preżenti wkoll f’laqgħat oħrajn mad-Deputat Prim Ministru Libjan Ahmad Maiteeq u ma’ Khalid Al-Mishri, il-Kap tal-Kunsill Għoli tal-Istat.

Skont The Libya Observer, fil-laqgħa mal-Ministru Milad Matouq kien diskuss il-mekkaniżmu għall-ftuħ mill-ġdid tar-rotta tal-ajru bejn l-ajruporti ta’ Malta u tal-Libja.

Ir-rapport ikompli hekk: The two sides also reviewed the issue of reopening the maritime line for transporting passengers and goods and facilitating visa procedures for Libyans to enter Malta in addition to cooperating in the areas of aviation, seaports and transport sector.

F’laqgħat oħra li fihom kien preżenti Neville Gafà kienu diskussi wkoll il-ftuħ mill-ġdid tal-Ambaxxata Maltija fi Tripli, l-attività ekonomika u kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, it-twaqqif ta’ Jont Committees bejn iż-żewġ pajjiżi, il-ġlied li għaddej bħalissa fi Tripli u t-trasport bil-baħar ta’ passiġġieri u merkanzija.