Wara li l-Partit Nazzjonalista rċieva petizzjoni ffirmata minn 200 persuna mibgħuta lil Kristy Debono, hi qalet li fil-kapaċità tagħha ta’ President tal-Kunsill Ġenerali sabiex jissejjaħ Kunsill Ġenerali straordinarju, saru l-verifiki neċessarji biex immedjatament ikun jista’ jinbeda l-proċess. Hi stqarret li Kunsill Ġenerali straordinarju jista’ jissejjaħ ukoll jekk ikun hemm talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn 150 membru tal-istess Kunsill.
Mill-verifiki joħroġ li sa dak il-ħin illi wasslet il-mozzjoni d-Dar Ċentrali, 84 minn 200 firma rriżultaw jew invalidi jew bis-sħubija tagħhom mhux aġġornata. Joħroġ ċar li 28 firmatarju ma kellhom l-ebda dritt li jiffirmaw bħala membri tal-Kunsill Ġenerali għaliex fil-fatt m’humiex membri tiegħu.
Mill-200 firma li kienu ppreżentati hemm:
- 23 firma li mhumiex validi għaliex huma ta’ persuni li mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali;
- 5 firem li mhumiex validi għaliex il-persuni li ffirmaw, kienu rrifjutaw jew ma ħallsux it-tessera kif mitlub minnhom u allura statutorjament mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali;
U joħroġ ukoll li:
- 14-il persuna minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2017;
- 41 persuna minn dawk li ffirmaw l-aħħar li ħallsu t-tessera kien fl-2018;
- Kien hemm każ fejn l-isem u l-kunjom ta’ persuna ma qablux mal-karta tal-identità.
Għalhekk wara l-verifiki neċessarji qiegħda skont Artikolu 31 tal-Istatut tal-Partit Nazzjonalista, Kristy Debono għaddiet din it-talba ta’ dawn il-membri tal-Kunsill Ġenerali lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex jinbeda l-proċess biex jissejjaħ il-Kunsill Ġenerali u biex titfassal u tiġi approvata l-aġenda tiegħu.