Biex ifittex jaħtaf Kunsill ieħor f’idejh, il-Partit Laburista ma segwiex il-prassi demokratika maqbula fis-snin li għaddew u minflok, fittex ikkonfoffa biex jaħtaf is-Sindakat.
Hekk ġara fil-lokalità taż-Żebbuġ Għawdex, fejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista eleġġew żewġ Kunsillieri Lokali kull wieħed, bil-ħames Kunsillier kien Indipendenti, għalkemm il-Partit Nazzjonalista ġab l-akbar ammont ta’ voti.
F’ċirkostanza bħal din, ma tidħolx fis-seħħ il-Liġi li s-Sindku jkun dak li jikseb l-aktar voti mill-partit li jeleġġi l-aktar Kunsillieri.
Minflok, iż-żewġ partiti kienu ħolqu mekkanizmu bejniethom biex, f’każ bħal dan fejn ikun hemm Kunsillier wieħed Indipendenti, is-Sindku jkun dak li l-aktar ġab voti mill-partit li kiseb l-akbar ammont ta’ voti, filwaqt li l-Viċi Sindku jkun dak li l-aktar ġab voti mill-partit l-ieħor.
Dan il-ftehim diġà ntuża’ fil-passat, meta kien hemm ċirkostanza simili fil-Furjana. Iżda fid-dagħdigħa biex ifittex jikseb Sindakat ieħor, il-Partit Laburista għażel li jfittex jikkonfoffa minn taħt u mingħajr l-ebda konsultazzjoni mal-Partit Nazzjonalista.
F’kumment lil NET News, il-Kordinatur tal-Kunsilli Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello kkundanna l-mod kif il-Partit Laburista għaġġel minflok ma kkonsulta għall-ġid tar-residenti taż-Żebbuġ u Marsalforn.
Hu saħaq li fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, il-maġġoranza relattiva tal-votanti għażlet lill-Partit Nazzjonalista u din l-għażla kella tiġi rispettata. Minflok, ir-rieda tar-residenti kienet injorata għalkollox.