Lokali

Jibdew vjaġġ ġdid bħala persuni mibdula

Jum tassew sinnifikanti għal 16-il persuna fosthom 2 nisa u li l-età tagħhom tvarja bejn it-22 u l-55 sena li issa bdew il-vjaġġ tagħhom bħala persuni mibdula hekk kif gradwaw mill-programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga fi ħdan il-Caritas Malta u fil-Jum Internazzjonali kontra l-abbuż u traffikar tad-droga.

Dan ukoll fl-isfond tal-50 sena mit-twaqqif ta’ Caritas Malta, u t-30 sena mit-twaqqif tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas.

Tul is-serata, li offriet ukoll divertiment awdjo viżiv, ġew imxandra filmati tar-residenti – filmati li uħud minnhom kellhom messaġġ umorisitiku, filwaqt li oħrajn kellhom messaġġ aktar serju.

Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt fid-diskors tiegħu ħa l-okkażjoni biex wissa li l-legalizzazzjoni tal-kannabis b’mod rikreattiv jgħaddi messaġġ lill-adolexxenti li l-cannabis mhix droga perikoluża.

Hu tenna li liġi bħal din tipperikola lil kull min bi sforz u impenn ikun ħareġ mill-vizzju, għax dawn ikollhom inqas raġuni għalfejn jieqfu minn dipendenza fuq kannabis.

Iċ-ċertifikati tal-gradwazjoni ta’ dawn is-16-il resident ġew ippreżentati lilhom mill-President ta’ Malta George Vella.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni, minbarra r-residenti kien hemm ukoll il-familjari ta’ dawk li ggradwaw kif ukoll l-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna.