Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lil Elisa Buhagiar

Ritratt: Martin Agius
Accept Analitiċi cookies to view the content.

“Jiena ta’ Ġesù” – Elisa

Bosta qraba u ħbieb inġabru fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħaż Żebbug sabiex jagħtu l-aħħar tislima liċ-ċkejkna Elisa Buhagiar – it-tifla ta’ 10 snin li sfortunatament tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku l-Ħamis li għadda.

Mijiet lebsin bl-abjad u roża, b’emozzjoni liema bħalha laqgħu għall-aħħar darba lil ċkejna Elisa li fl-omelija kienet deskritta bħala eżempju għal kul wieħed u waħda minnha.

“Irridu nitgħallmu mit-tfal għax huma persuni bla maskri” – kien dan il-kliem li bih fetaħ l-omelija ċ-ċelebrant tat-tislima lill-Elisa. Hu saħaq fuq l-importanza li nieqfu mill-ġenn tal-ħajja ta’ kuljum biex naraw il-kwalitajiet li nistgħu nimitaw – nirriflettu x’qed nagħmlu fl-unika ħajja li għandna.

Fi kliemu, iċ-ċelebrant qal li spiss, flok timxi, Elisa kienet tiġri, taqbeż u tieħu sehem f’bosta attivitajiet – “tassew kienet tuża d-don tal-ħajja u tagħmel kollox mill-qalb” – kompla ċ-ċelebrant.

Elisa kienet persuna libera ta’ ħafna lwien – farfett – kunfidenti u taf tuża d-doni sbieħ li Alla żejjinha bihom.

Ferħet tant oħrajn – tifla ta’ inizjattiva – l-imħabba li kellha fiha riedet taqsamha mal-oħrajn filwaqt li dejjem taħseb fl-oħrajn – eżempju ta’ kemm għandna nagħmlu dak kollhu li nistgħu llum għax għada ħadd ma raħ.

“Kienet raġġ ta’ ferħ – tant ċkejkna imma taf tibbilanċja – għalmitna li mhux kemm tgħix iżda kif tgħix”

Finalment, Elisa kienet deskritta bħala tifla li kienet taf tapprezza u tgħid grazzi.

Ghal din l-ahhar tislima kien hemm prezenti wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, personalitajiet distinti, numru sabiħ ta’ studenti tal-iskola St. Joseph, tfal tal-Iscouts u sħabha taż-żfin fost ħafna oħrajn.

Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius
Ritratt: Martin Agius