L-Avviż Legali 136 tal-2019 ma jiggarantix is-saħħa tan-nies għax iżżid il-konfużjoni ta’ responsabiltajiet fuq il-lantijiet. Sostniet dan fi stqarrija il-Kamra tal-Periti li għal darb’oħra talbet laqgħa urġenti mal-Ministru Ian Borg wara li r-regolamenti dwar it-twaqqiegħ u tħaffir ta’ siti ta’ kostruzzjoni kienu ppubblikati it-Tlieta mingħajr konsultazzjoni mal-periti.
Il-Kamra tal-Periti (KTP) ilha tinsisti li r-responsabiltajiet għandhom ikunu definiti b’mod ċar. Il-Kodiċi Ċivili jidentifika żewġ figuri li għandhom jerfgħu ir-responsabbilta’: il-perit u l-kuntrattur. Kwalunkwe regolament li jipprova jikkontradixxi l-Kodiċi Ċivili jżid biss mal-konfużjoni li ilha tifni din l-industrija għal għexieren ta’ snin.
KTP tkompli li r-responsabbiltajiet huma ċari: il-Perit huwa responsabbli li jiddisinja, jispeċifika u jidderieġi x-xogħolijiet u l-kuntrattur huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tax-xogħolijiet, inkluż li jimxi mad-disinn, speċifikazzjonijiet u direzzjoni tal-perit. Il-kuntrattur għandu wkoll id-diskrezzjoni jistabilixxi it-tip u l-kwalifiki tal-ħaddiema tiegħu biex iwettaq ix-xogħolijiet skont il-liġi.
L-istqarrija tkompli li hemm it-tielet responsabbilta’, li hija dik tal-Gvern bħala regolatur. Sal-lum, il-Gvern naqas milli jonora dan l-obbligu li jirregola l-industrija b’mod adekwat billi fost l-oħrajn:
- L-Uffiċċju dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Bini (BRO) tħalla bla riżorsi finanzjarji b’allokazzjoni ta’ €150,000 fis-sena u għaldaqstant bla saħħa u ineffettiv
- Ma hemm ebda sistema ta’ reġistrazzjoni u liċenzjar ta’ kuntratturi. Dan jesponi lill-pubbliku għal riskji enormi għax kulmin għandu gaffa jisa’ jsejjaħ lilu nnifsu kuntrattur tal-iskavar.
- Il-lista ta’ bennejja liċenzjati ġiet pubblikata biss il-Ġimgħa u ma fihiex dettalji bl-iskuża ta’ protezzjoni tad-Data. Il-KTP tisħaq li dan imur kontra d-Direttiva Ewropea dwar is-Servizzi li tesiġi li għandu jkun hemm informazzjoni biżżejjed biex il-bennejja u kuntratturi jistgħu “jiġu kkuntattjati b’mod veloċi u dirett.”
- Il-Proċessi tal-ippjanar u r-regolamentazzjoni tal-bini qatt ma ġew mifruda. Is-sitwazzjoni kompliet tiggrava għax minflok kien hemm investimenti fis-sistemi tal-BRO, l-Awtorita’ tal-Ippjanar kompliet tieħu iktar pussess tar-regolamenti tal-bini.
- Nuqqas ta’ sistema ċentralizzata ta’ regolamentazzjoni tal-bini. Il-ftit regolamenti li hemm huma antikwati u f’ċertu każi, imorru kontra xulxin.
- L-Abbozz tal-Att dwar il-Periti ilu fuq l-ixkaffa għal iktar minn 12-il sena u dan qed iżomm milli l-professjoni tkompli timmodernizza.
- Id-Direttiva dwar il-Prodotti tal-Kostruzzjoni li taqa’ taħt l-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur qatt ma ġiet infurzata. Dan ifisser illi kważi l-ebda prodott tal-bini fis-Suq Malti -fosthom bricks u planki – m’għandu is-CE Mark u huwa għalhekk illegali. Fin-nuqqas ta’ din iċ-ċertifikazzjoni, la l-konsumatur u lanqas il-perit m’għandhomx mod kif ikunu ċerti li l-ispeċifikazzjonijiet tal-perit qed jiġu segwiti mill-fornituri ta’ dawn il-prodotti.
L-istqarrija ttemm illi l-Avviż Legali ma jiggarantix is-saħħa tan-nies għaliex qed iżid il-konfużjoni fuq ir-responsabbiltajiet fuq il-lantijiet tax-xogħol. Minħabba f’hekk u minħabba li r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar tal-kuntrattur qatt ma ġie fis-seħħ, is-Site Technical Officer se jispiċċa jġorr fuq spallejh in-nuqqasijiet tal-Gvern li jirregola s-settur.
//= $special ?>