Parlament

L-awtoritajiet mhux avvanzati biżżejjed biex ilaħħqu mat-teknoloġija fil-kontroll tal-abbuż

  • Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li l-awtoritajiet Maltin m’humiex avvanzati biżżejjed biex ilaħħaqu u jieħdu l-passi meħtieġa quddiem l-abbużi li fihom jintużaw l-avvanzi tat-teknoloġija.

Fil-parlament Kevin Cutajar qal li hu tajjeb li l-gvern jindirizza r-reati ta’ filmati intimti li jintużaw bħala rikatt. Hu qal li għandu impressjoni li t-teknoloġija disponibbli għall-pubbliku qed toħloq sitwazzjoni fejn it-teknoloġija qed tiġri iktar mill-awtoritajiet, il-mezzi li dawn għandhom u l-preparazzjoni tagħhom.

Dan l-abbozz beda jindirizza l-kwistjoni tan-natura multinazzjonali ta’ dawn it-tip ta’ reati għaliex bit-teknoloġija kollox idur id-dinja. Hu qal li dawn huma każi serji li jistgħu jwasslu biex persuni anki jagħmlu suwiċidju minħabba l-mistħija tal-filmati. Jeħtieġ li jsir deterrent qawwi għalkemm il-pieni weħidhom mhux se jgħinu weħidhom biex ikun trattat dan il-fenominu negattiv.

Is-soluzzjoni trid tkun usa u tinkludi l-edukazzjoni, l-ispjegazzjoni tad-dannu l-kumplikazzjonijiet u l-periklu li jinħolqu b’dawn il-filmati. Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-valutazzjoni u l-investigazzjoni u r-rabta li għandha jun hemm bejniethom.

Punt ieħor trattat minn Kevin Cutajar kien is-sensittività tax-xhieda u l-kummissjoni li trid tinħatar taħt dan l-att. Din għandha tkun komposta minn sitt persuna li fosthom ikun hemm persuna b’diżabbiltà. Hu staqsa x’miżuri għandu f’moħħu l-gvern biex din it-tip ta’ vjolenza ma ssirx fil-konfront tal-persuni b’diżabbiltà.