Lokali

“L-Enerġija u l-Klima: Qegħdin naħsbu dwar il-futur tagħna?” – PN

Rapport li kien ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea jesponi punt dgħajjef fil-politika nazzjonali u l-previżjoni fil-qasam tal-enerġija u l-klima. Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea sab li Malta għandha pjanijiet bil-wisq neqsin u insuffiċjenti li jiżguraw futur aktar b’saħħtu għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.

Fi stqarrija ffirmata minn David Agius, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, il-Partit Nazzjonalista qal li t-tliet setturi li l-Kummissjoni analizzat fir-rapport kienu l-enerġija rinovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-projezzjonijiet tal-emmissjoni tal-greenhouse gases, pprovdut mill-Gvern Malti fil-pjan nazzjonali tiegħu għall-klima u l-enerġija.

L-istqarrija tkompli li ta’ min jinnota li d-dokument sottomess quddiem il-Kummissjoni seta’ kien diskuss fit-tul fil-parlament, iżda l-Gvern ma jemminx li l-futur taċ-ċittadini Maltin jeħtieġ diskussjoni profonda u mifruxa lil hinn mill-qasma partiġġjana politika.

Dan, tgħid l-istqarrija, huwa ta’ tħassib għall kull min iħobb lil dan il-pajjiż, li Malta hija ferm ‘il bogħod milli tilħaq il-miri tagħha tat-tnaqqis tal-emmissjonijiet tal-greenhouse gases, u mingħajr pjan ċar u effettiv ta’ kif se jinbena futur b’enerġija rinovabbli. Huwa fatt magħruf li l-enerġija rinovabbli f’Malta se tilħaq biss livell ta’ 13% sal-2030, żieda totali ta’ 3% f’10 snin. Jidher ukoll li għadna ‘l bogħod milli nilħqu l-mira ta’ 19% tnaqqis fl-emmissjonijiet sal-2030.

Il-Partit Nazzonalista jkompli jgħid li jeħtieġ li nnaqqsu l-emmissjonijiet tal-greenhouse gases kompletament sal-2050 u mingħajr ebda telf ta’ żmien. Mingħajr dubju, l-Gvern ma jistax jagħmel dan waħdu. Ir-rapport tal-Kummisjoni jesponi dan b’mod mill-aktar ċar. Għaldaqstant, ħeġġeġ lill-Gvern sabiex ifittex kollaborazzjoni ma’ dawk illi lesti flimkien mal-Oppożizzjoni li jmexxu l-ekonomija u s-soċjetà lejn futur b’emissjonijiet baxxi.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa essenzjali jekk il-Gvern irid jimxi mal-wegħdiet tiegħu, nkluż l-aktar waħda ricenti li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat li nilħqu l-carbon neutrality sas-sena 2050. Il-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia riċentament wera t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi fil-klima li Malta u d-dinja qegħdin jaffaċċjaw.

L-istqarrija ttemm tgħid li l-miżuri neċessarji jeħtieġ li jkunu implimentati mingħajr dewmien. Il-qafas legali għal dawn l-azzjonijiet diġà jeżisti, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell internazzjonali, kulma jonqos huwa l-impenn fit-tul biex nimxu lejn id-direzzjoni t-tajba.