Lokali

L-industrija tal-bini teħtieġ bidla radikali – MDA

Tgħid li mhemmx bżonn li s-Site Manager ikun perit warranted

Fi stqarrija li ħarġet dalgħodu l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi qalet li l-industrija tal-bini teħtieġ bidla mill-qiegħ u li ma taqbilx li s-site managers għandhom bilfors ikunu periti warranted.

Dan qalitu fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu saħaq fuq il-bżonn li site manager għandhom ikun perit bil-warrant,

Bir-regolamenti l-ġodda marbuta mal-iskavar u t-twaqqigħ is-sid jew l-iżviluppaturi mhux se jkunu jistgħu jappuntaw huma l-persuna responsabbli għax-xogħlijiet fuq is-sit tal-iżvilupp, iżda qalet li s-site managers iridu jkunu persuni tekniċi u kkwalifikati. Madakollu huma qalu li mhemmx bżonn li jkunu periti warranted.

L-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi talbet it-twaqqif ta’ kunsill tal-iżvilupp li jkollu l-awtorità li japprova l-ħruġ ta’ liċenzji lil kuntratturi għall-iskavar u t-twaqqigħ. Saħqet ukoll dwar il-ħtieġa ta’ reġistru ta’ żviluppaturi approvati.

Sadanittant, l-MDA fakkret li dan l-avviż legali ma jimplika bl-ebda mod li x-xogħol tal-kostruzzjoni għandu jitwaqqaf u qalet li se tkun qed issejjaħ laqgħa għall-kuntratturi, żviluppaturi u bennejja l-ġimgħa d-dieħla.