Parlament

L-investigazzjonijiet tal-pulizija fuq vjolenza domestika għandhom jibdew b’mod immedjat

  • Therese Comodini Cachia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-pulizija għandha tibda l-investigazjzonijiet fuq vjolenza domestika b’mod immedjat u m’hemmx għalxiex li jsir assessjar tas-sitwazzjoni qabel.

Fil-pajjiż hawn il-liġijiet neċessarji iżda dan mhux biżżejjed, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li qalet li għad hawn sitwazzjoni li fiha għad hawn min jiddubita lill-vittma.

Il-kultura Maltija għadha tara lill-mara bħala inferjuri, qalet Comodini Cachia, li kompliet li r-riċerka turi li hawn setturi tas-soċjetà li huma iktar vittma tal-vjolenza domestika fosthom in-nisa, il-persuni li għandhom il-ġeneru LGBTIQ u l-persuni b’diżabbiltà.

Dawn it-tliet kategoriji huma vittmi sempliċiment minħabba l-mod kif persuni fis-soċjetà jaħsbu dwarhom u jippretendu li għandhom jedd fuqhom. Jeħtieġ li naslu f’sitwazzjoni fejn aħna ma nitilqux mid-dubju meta jkun hemm allegazzjoni ta’ vjolenza domestika anzi għandha nikkundannaw kull twettieq ta’ vjolenza domestika u jibda l-proċess ta’ investigazzjoni u protezzjoni, qalet Comodini Cachia. Dawn il-proċeduri jridu jagħtu l-assistenza kemm lill-vittmi kif ukoll il min wettaq din il-vjolenza.

Hi tkellmet dwar l-importanza tal-kunxjenza dwar l-ugwaljanza, tat-taħriġ lill-pubbliku tal-moderaturi ta’ kummenti online. Jeħtieġ li jsiru l-passi meħtieġ f’dan il-kuntest fis-soċjetà u biex il-persuni abbużati jerġgħu isiru l-fiduċja fihom innfushom biex jibnu għall-futur.

Hi tkellmet dwar l-importanza tal-indipendenza għal dawn il-persuna u l-isfidi biex dawn il-persuni jkollhom post fejn jgħixu.

Dwar l-investigazzjonijiet, Therese Comodini Cachia qalet li l-pulizija għandha tkun imħarrġa tajjeb biżżejjed biex tinvestiga u m’hemmx għalxiex li dawn l-investigazzjonijiet isiru biss mill-ispetturi.

Hi tkellmet dwar l-ordni ta’ protezzjoni temporanja u qalet li hu inkwetanti li l-vittma tista’ tispiċċa mingħajr din l-ordni jekk il-pulizija m tkomplix bl-investigazzjonijiet tagħha.