Sport Sport Ieħor

Minkejja d-diffikultajiet 111 Off-Road Racing Team itemmu fid-disa’ post f’Ultra 4 Europa

Ftit jiem ilu, 111 Off-Road Racing Team ikkompetew kontra 21 kompetitur madwar id-dinja fl-avveniment ta’ Ultra 4 Europa, King of France 2019. It-tim hu magħmul mis-sewwieq Rudy Farrugia u Malcolm Paul Gauci bħala navigatur bl-għajnuna  ta’ Maurice Farrugia, Mark Zahra, David Farrugia, Daniel Grupetta, Stefan Borg, Grech, Lana Debono u Shaun Caruana.

Waqt il-kwalifikazzjoni tal-Ġimgħa, it-tim ma spiċċax it-tellieqa wara ħsara konsiderevoli u ħafna tiswijiet. Huma kellhom jabbandunaw it-tellieqa ftit metri bogħod mil-linja finali biex spiċċaw fil-21 post.

Is-Sibt f’korsa pjuttost dejqa, kellhom jibdew mill-aħħar post. Wara inċident ieħor, il-buggy spiċċat fuq is-saqaf qalb is-siġar f’kanal. Minkejja l-ħsara tal-Ġimgħa u l-inċident tas-Sibt, huma xorta spiċċaw fl-10 post minn 21 parteċipant.

Il-Ħadd kien jum ħieles mill-aċċidenti, bit-tim javvanza pożizzjoni oħra biex temm l-avveniment fid-disa’ post. 111 Off-Road Racing Team hu mistenni li jikkompeti fil-kampjonat kollu tal-Ultra 4 Europe u għalhekk it-tappa li jmiss hi l-King of Britain fl-20 ta’ Lulju.