Sport Sport Ieħor

Murray u Melo megħluba f’Eastbourne

Andy Murray sofra l-ewwel telfa minn meta beda r-ritorn tiegħu fid-doubles b’telfa fl-ewwel rawnd f’Eastbourne. Murray u l-Brażiljan Marcelo Melo tilfu 6-2, 6-4 kontra l-Kolombjani Robert Farah u Juan Sebastian Cabal. Il-Britanniku sabha diffiċli, tant li nkisirlu s-service tliet darbiet minn erbgħa.

Murray rebaħ flimkien ma’ Feliciano Lopez fi Queen’s ftit jiem ilu, f’dak li kien l-ewwel tournament minn meta għamel l-operazzjoni f’ġenbu. Huma kienu għelbu lil Farah u Cabal fl-ewwel rawnd ta’ dak it-tournament iżda l-Kolombjani dejjem kellhom il-kontroll f’Devonshire Park.

Murray jitfa’ l-attenzjoni tiegħu lejn Wimbledon hekk kif hu mistenni li jikkompeti fid-doubles tal-irġiel flimkien mal-Franċiż Pierre-Hugues Herbet. L-Iskoċċiż saħaq ukoll li hu probabbli li jilgħab ukoll fil-mixed doubles, għalkemm ammetta li hu ftit imħasseb minħabba l-kundizzjoni fiżika tiegħu wara ħafna logħob fi ftit żmien.

Hu għadu jrid isib ma’ min jilgħab fil-mixed doubles wara li s-sid numru wieħed tad-dinja Ashleigh Barty u l-Franċiża Kristina Mladenovic irrifjutaw l-offerta tiegħu. Murray ikkonferma li kellem diversi tennisti u żied li se jiddeċiedi ma’ min se jilgħab fil-jiem li ġejjin.