Lokali

Riforma tal-kiri li ma taħsibx f’min qed ibati biex jikri

L-att il-ġdid għar-riforma tal-kera li skont il-Gvern sar “wara riċerka estensiva u konsultazzjoni pubblika” jidher li ma jagħmel assolutament xejn biex jindirizza d-diffikultajiet reali li qed jiffaċċjaw diversi persuni f’pajjiżna.

Infatti, din ir-riforma tidher li ma hi xejn għajr tentattiv tal-Gvern li b’xi mod jistabbilizza suq li beda jħoss l-iskossjjaturi, hekk kif il-kirjiet dejjem jogħlew issa saru mhux biss problema għall-Maltin li qegħdin jew qed ifittxu residenza b’kiri, imma anke għall-barranin li qed iħossu d-daqqa tal-prezzijiet.

Din ir-riforma titlob fost l-oħrajn li kull kirja, twila kemm hi twila, trid tkun irreġistrata mal-Awtorità tad-Djar u li s-sid kif ukol l-inkwilin irid jagħti avviż ta’ ċertu perjodu qabel ma jinħall mill-kuntratt.

Madankollu din ir-riforma naqset għal kollox li tindirizza l-problema ta’ ħafna li mhux qed ikunu jistgħu jaffordjaw il-kirjiet dejjem jogħlew, u spiċċaw fuq il-lista ta’ persuni li qed jistennew housing soċjali.

Dan tixhdu r-risposta li tana l-Prim Ministru għall-mistoqsija ta’ Net News dwar kif din ir-riforma se tgħin ittaffi din il-problema. Fejn hu qal li issa s-sid obbligat javża lill-inkwilin xhur qabel ma jgħolli l-kirja jew jekk ikun se jkeċċi lill-inkwilin tiegħu, u għaldaqstant se jkunu jafu tlett xhur qabel bil-problema li se jkollhom.

U din, għall-Prim Ministru, hija soluzzjoni.