Sport Waterpolo

Sirens, Sliema u Neptunes ikomplu jirbħu

(Ritratt: Jo Aquatic)
It-tliet timijiet jinsabu b'punti massimi

NEPTUNES LEO VEGAS……… 21 VALLETTA VIDEOSLOTS……… 13

(4-2), (7-1), (3-4), (7-6)

Iċ-champions Neptunes Leo Vegas baqgħu jagħmlu dak li għamlu sa issa fil-fażi tal-gruppi, jiġifieri dik li jirbħu b’faċilità kbira kontra avversarji anqas kwotati minnhom. Din id-darba kien imiss lil Valletta Videoslots li jonqos l-uffiċjalità biex ikomplu l-istaġun fl-Ewwel Diviżjoni.

Neptunes kienu fil-kontroll mill-bidu iżda Valletta pruvaw iżommu ftit ir-ritmu tal-avversarji. Neptunes rebħu s-sessjoni 4-2 b’doppjetta ta’ Petar Muslim, Stevie Camilleri u Darko Brguljan, b’Dmitri Kholod u Daniel Paolella jwieġbu għal Valletta.

Neptunes kienu għadhom żewġ gowls sa ftit minuti fit-tieni sessjoni, iżda minn hemm għollew ftit il-kwalità tal-logħob tagħhom u skorjaw sitt gowls konsekuttivi permezz ta’ doppjetti minn Petar Muslim u Stevie Camilleri, Niki Lanzon u Gabriel Pace filwaqt li Kholod skorja l-uniku gowl Belti.

Ir-rotazzjoni fit-tim ta’ Neptunes bdiet minn kmieni fil-logħba iżda baqgħet b’mod kostanti fit-tielet sessjoni bi plejers bħal Darko Brguljan, Niki Lanzon u Jordan Camilleri jistrieħu filwaqt li anki straħ f’xi mumenti Petar Muslim.

L-għan ta’ Valletta kien biss li jillimitaw id-danni u kontra tim aktar żagħżugħ rebħu t-tielet sessjoni. Sasa Misic skorja tnejn mill-erba’ gowls ta’ Valletta fis-sessjoni f’dawk li kienu l-ewwel gowls tiegħu fil-logħba. Fl-aħħar sessjoni għal Neptunes, daħal ukoll il-gowlkiper ta’ riserva Benji Busuttil, bil-logħba żżomm l-istess ritmu tas-sessjoni preċedenti.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan (1), G. Pace (2), P. Muslim (5), D. Brguljan (3), S. Camilleri (5), J. Camilleri, J. Abela (1), N. Zammit (2), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil (1), J. Farrugia

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines, A. Agius, P. Borg, C. Zammit, R. Mock, D. Paolella (1), M. Mifsud, M. Cordina (2), M. Zammit, D. Kholod (7), N. Farrugia (1), R. Bonnici, S. Misic (2)

Referees: Mario Dalli, Stefano Scappini

SIRENS GREENTUBE………. 20 TA’ XBIEX AMIGOS………… 11

(4-0), (6-4), (4-2), (5-5)

Sirens Greentube żammew mal-previżjoni u kisbu r-raba’ rebħa fi Grupp B. It-tim minn San Pawl il-Baħar baqa’ b’punti massimi u jħares lejn il-konfront kontra Neptunes b’ottimiżmu. Il-logħba kellha storja waħda, b’Sirens jikkontrollaw mingħajr diffikultà u kien biss fl-aħħar sessjoni li Ta’ Xbiex benġlu ftit id-distakk hekk saret ir-rotazzjoni fit-tim ta’ Sirens.

Edward Aquilina, John Brownrigg u doppjetta ta’ Christian Presciutti wittew it-triq għar-rebħa ta’ Sirens fl-ewwel sessjoni. Sirens mill-ewwel naqsu ftit mir-ritmu tagħhom għalkemm dejjem baqgħu fil-kontroll tal-logħba u daħlu jistrieħu 10-4 minn fuq.

Aktar gowls komplew ġejjin għal Sirens fit-tielet sessjoni hekk kif il-logħba kienet bla storja, b’Nenad Kacar jiskorja l-uniku gowl ta’ Ta’ Xbiex fis-sessjoni. Fl-aħħar sessjoni, diversi plejers regolari ta’ Sirens straħu u dan wassal biex Ta’ Xbiex kellhom l-opportunità li jevitaw telfa akbar.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (1), C. Presciutti (5), P. Privitera (2), M. Grech (2), J. Brownrigg (4), I. Riolo (1), V. Gallo (3), J. Napier, E. Aquilina (2), L. Caruana, Z. Bartolo, G. Galea Curmi

Ta’ Xbiex: Z. Sciberras, R. Greco, M. Demarco, N. Schiavone, M. Carani (1), G. Blundell (1), D. Fenech (2), N. Saliba, N. Kacar (5), G. Sammut, K. Tanti, N. Gitto (2), A. Theuma,

Referees: Peter Balzan, Stefano Scappini

SLIEMA FRANK SALT……….. 14 MARSASKALA FISH AND FISH…….. 8

(3-1), (4-1), (6-3), (1-3)

Sliema Frank Salt telgħu fl-ewwel post ta’ Grupp A b’rebħa komda ta’ 14-8 kontra Marsaskala Fish and Fish. Ir-rebħa għalihom kienet simili għal dik ta’ kontra Birżebbuġa hekk kif żiedu l-vantaġġ gradwalment u kkontrollaw il-logħba bir-ritmu tagħhom. Marsaskala straħu fuq iż-żewġ barranin tagħhom Kristijan Milakovic u Konstantin Averka li skorjaw it-tmien gowls bejniethom.

Protagonist tas-Slimiżi fl-ewwel parti tal-logħba kien is-centre Jerome Gabarretta li skorja erba’ gowls, tnejn f’kull sessjoni. Konstantin Averka naqqas id-distakk għal Marsaskala fl-ewwel sessjoni wara li Sliema kienu ħadu vantaġġ ta’ tliet gowls.

Bejn iż-żewġ gowls ta’ Gabarretta fit-tieni sessjoni, skorja wkoll iż-żagħżugħ Jacob Sciberras biex Sliema kellhom vantaġġ ta’ 6-1 u daħlu jistrieħu wkoll b’distakk ta’ ħames gowls. Marsaskala pruvaw inaqqsu iżda fi tliet okkażjonijiet Sliema wieġbu warajhom. Gavril Subotic skorja tripletta konsekuttiva u Liam Galea għamilhom 13-5.

Simili bħar-rebħa ta’ Sirens, il-logħba ftit kellha skop fl-aħħar sessjoni għajr li jilagħbu l-plejers li ftit isibu spazju. Marsaskala baqgħu jibbażaw fuq iż-żewġ barranin filwaqt li l-kowċ Slimiż Sergio Afric kompla jutilizza ż-żgħażagħ fit-tim.

Sliema: J. Parnis, J. Gabarretta (4), G. Subotic (3), J. Sciberras (1), M. Meli (1), N. Hoznyansky (2), M. Spiteri Staines, L. Galea (1), B. Cachia, J. Gambin, Z. Mizzi, N. Bugelli (2), M. Vassallo, K. Borg, J. Cachia

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro, K. Milakovic (4), K. Averka (4), J. Culic, R. Attard, D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice, J. Ciantar

Referees: Ronnie Spiteri, Mirko Schiavo