Futbol Sport

Tottenham se jakkwistaw lil Ndombele b’somma ta’ rekord tal-klabb

Jekk l-istaġun li għadda ma akkwistaw l-ebda plejer, Tottenham mistennija jagħmlu akkwist importanti hekk kif laħqu ftehim ma’ Olympique Lyon biex jakkwistaw lil Tanguy Ndombele għal €62 miljun flimkien ma’ xi bonus.

Hu mistenni jagħmel l-eżami mediku fil-jiem li ġejjin u jiffirma kuntratt ta’ ħames snin biex isir l-aktar plejer li sewa flus fl-istorja tal-klabb. Il-midfielder ta’ 22 sena attira l-interess ta’ diversi klabbs Ewropej iżda għażel li jibda esperjenza ġdida fil-Premier League.

Ndombele spikka fl-aħħar tliet staġuni fil-Ligue 1 u lagħab l-aħħar żewġ staġuni ma’ Olympique Lyon wara li lagħab ukoll ma’ Amiens. Fl-istaġun li għadda hu lagħab 49 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha u skorja tliet gowls. Is-sena l-oħra saħansitra għamel id-debutt mat-tim nazzjonali Franċiż.