Lokali

Uffiċjali: Il-Gvern lest jesperimenta bi flus il-poplu

Issa uffiċjali li l-Gven ta’ Joseph Muscat jesperimenta bi flus il-poplu … u bl-eluf ta’ ewro.

Kien il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi, magħruf għal kemm hu viċin il-Prim Ministru Muscat, li mistoqsi minn NET News ammetta li s-sena li għaddiet esperimenta b’aktar minn €100,000 minn flus il-poplu.

F’xemx tiżreġ fis-1.30pm, il-Ministru Konrad Mizzi sejjaħ lill-media biex jiftaħar bix-xogħol li l-Privat għamel biex il-Bajja tal-Balluta terġa’ timtela’ bir-ramel għall-istaġun tas-Sajf.

Iżda mistoqsi jekk għandux x’jikkummenta dwar il-fatt li s-sena li għaddiet inħlew aktar minn €100,000 minn flus il-poplu biex isir ir-ramel, li mal-ewwel ħalba xita f’Settembru mbaram kollu mill-mewġ, il-Ministru Mizzi stqarr li dak kien esperiment li ħadem u li l-poplu Malti gawda minnu.

F’Settembru li għadda, mal-ewwel grigalata, €110,000 f’ramel, showers u laned tal-iskart spiċċaw il-baħar. Dan minbarra li ma’ kull darba li tagħmel ix-xita, inixxi ilma maħmuġ mit-triq għal fuq it-taraġ tal-Bajja u eventwalment għal fuq ir-ramel.

Dakinhar tat-tnedija, il-Ministru Konrad Mizzi kien qal li l-Ministeru tiegħu kien għamel studji estensivi biex jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa.

Sena wara, il-Ministru qal li issa x-xogħol sar wara li studjaw is-sitwazzjoni tas-sena li għaddiet. Madankollu, kompla li anke din id-darba – u minkejja l-investiment mill-Privat – mhux eskluż li r-ramel jerġa’ jittieħed mill-baħar.

Il-Ministru tat-Turiżmu temm li anke jekk dan jiġri, almenu l-Bajja tkun tgawdiet mit-turisti li jżuruha fix-xhur tas-Sajf.