Lokali

Wara li ħatru fuq il-Bord tal-Planning, ma jitlobx għar-riżenja tiegħu

Filwaqt li l-Prim Ministru bil-kliem qal li Matthew Pace għandu jirreżenja, bil-fatti naqas milli jitolbu jagħmel dan. U dan minkejja li Pace kien maħtur direttament mill-Gvern ta’ Muscat ġimgħat biss wara li ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż fl-2013.

Matthew Pace huwa l-persuna li sab ruħu f’nofs kontroversja sħiħa wara li l-Qorti qalet li hu kellu kunflitt ta’ interess ċar meta vvota favur l-iżvilupp tal-proġett City Centre bħala membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, filwaqt li huwa wkoll is-sid ta’ fergħa tal-aġenzija tal-propjetà Remax li kienet qed tinnegozja l-bejgħ ta’ propjetà fl-istess żvilupp saħansitra qabel ma ġie qalil-permess.

Mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu wara li Matthew Pace stqarr li m’għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja minn membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, Joseph Muscat filli qal li jaqbel li għandu jirriżenja u mbghad qal li ma jista’ jagħmel xejn.

Matthew Pace kien inħatar membru fuq il-bord tal-Planning direttament mill-Gvern – ħatra li kienet imħabbra fuq il-gazzetta tal-Gvern tat-2 t’April 2013.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Joseph Muscat ġie mistoqsi għal darba darbtejn x’se jagħmel dwar Pace, iżda minkejja li qal li kellu jirreżenji, hu naqas milli jitolbu jagħmel dan.