Lokali

Hillman jingħata impjieg mal-Malta Gaming Authority

"Rari jidher fil-binja tal-Awtorità"

L-Awtorità Maltija tal-Logħob (MGA) appuntat lil Adrian Hillman biex jaħdem fuq r-reputazzjoni tal-istess Awtorità. Dan meta bħalissa Hillman s-suġġett ta’ inkjesta maġisterjali dwar ħasil ta’ flus.

Sorsi qrib l-Awtorità Maltija tal-Logħob kkonfermaw mat-Times of Malta li Hillman ilu jagħmel dan ix-xogħol fl-awtorita’ tal-Gvern għal dawn l-aħħar sentejn b’riżultat ta’ ordni diretta mogħtija fuq l-istruzzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Dan ġie kkonfermat aktar kmieni din il-ġimgħa permezz tal-Gazzetta tal-Gvern, fejn ġew żvelati d-dettalji dwar l-ordni diretta lil Adrian Hillman.

Skont il-pubblikazzjoni tal-Gvern, Adrian Hillman, l-eks direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers, qed jitħallas €48,000 fis-sena mill-fondi pubbliċi biex jagħti l-konsulenza dwar l-Gaming Authority għal “servizzi ta’ komunikazzjoni ta’ strateġija, reputazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi”.

Sorsi mill-qalba tal-Awtorità qalu lit-Times illi Adrian Hillman rari jidher fl-Awtorità, u m’għandu l-ebda uffiċċju. Huma qalu wkoll li Adrian Hillman ilu jgħix fl-Istati Uniti għal perjodi twal ta’ żmien. U insistew illi jekk Hillman jaħdem għall-MGA qed jagħmel dan mill-bogħod.

Mistoqsi jiddikjara kif l-MGA tistenna li tmexxi r-reputazzjoni tagħha permezz tas-servizzi ta’ persuna li qed tiffaċċja akkużi ta’ ħasil tal-flus, kelliem għall-MGA ma weġibx. Minflok, il-kelliem ikkonferma li Hillman qed iqatta’ ħafna mill-ħin tiegħu barra l-pajjiż.

Adrian Hillman kien irriżenja mill-kariga tiegħu bħala direttur maniġerjali ta’ Allied Newspapers, pubblikaturi ta’ Times of Malta, ftit wara li ismu inkixef fl-iskandlu tal-Panama Papers.

Dokumenti wrew li Hillman kellu kumpanniji sigrieti fil-British Virgin Islands, simili għal dawk stabbiliti fil-Panama minn Brian Tonna ta’ Nexia BT. Eventwalment ġew żvelati allegazzjonijiet dwar transazzjonijiet ta’ madwar €650,000 li għaddew bejn il-kontijiet bankarji sigrieti ta’ Hillman u dawk assoċjati ma’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.