Futbol Sport

Il-FIFA tiftaħ proċeduri dixxiplinarji kontra l-Kamerun

(Ritratt: EPA)

Il-FIFA fetħet proċeduri dixxiplinarji kontra l-Kamerun wara l-eliminazzjoni tagħhom mit-Tazza tad-Dinja fil-fażi tal-aħħar 16 kontra l-Ingilterra. Il-FIFA qed tinvestiga lit-tim tal-Kamerun għal nuqqas ta’ kondotta mit-tim, imġieba offensiva u ksur tal-fair play.

Il-logħba tal-Ħadd li għadda spikkat minħabba r-reazzjoni tal-plejers Afrikani wara żewġ deċiżjonijiet tal-VAR li marru kontrihom. Fl-intervista ta’ wara l-logħba, il-kowċ tat-tim Alain Djeumfa waħħal fir-referee fejn qal li l-logħba kienet mingħajr ġustizzja.

F’mument minnhom, il-plejers tal-Kamerun kienu qed jipprotestaw wara t-tieni gowl tal-Ingilterra u dehru li ma kinux lesti li jibdew il-logħba. Huma urew l-istess ħsieb wara li fil-bidu tat-tieni taqsima ħasbu li naqqsu d-distakk iżda f’din l-azzjoni, il-gowl tħassar permezz tal-VAR.

Huma kienu fortunati li spiċċaw il-logħba bi 11-il plejer wara li Yvonne Leuko rċeviet biss karta safra għal daqqa ta’ minkteb fuq Nikita Parris, Augustine Ejangue besqet lil Toni Duggan u Alexandra Takounda daħlet ikrah fuq il-captain Steph Houghton fil-ħin miżjud.