Lokali

Il-PN jħares ‘il quddiem għal kull diskussjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti

Jibqa' jgħożż il-valuri tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jikkonferma li wara verifika li seħħet immedjatament wara talba biex jitlaqqa’ Kunsill Ġenerali rriżulta li 84 minn 200 firma li ġew ippreżentati lill-President tal-Kunsill Ġenerali għal ħabta tal-4 ta’ wara nofsinhar it-Tlieta 25 ta’ Ġunju, kienu filfatt, jew invalidi jew bis-sħubija tagħhom mhux aġġornata. L-istatut jgħid ċar li l-Kunsill jista’ jitlaqqa wkoll wara “talba bil-miktub ta’ mhux inqas minn 150 membru tal-Kunsill Ġenerali.”

a. 55 persuna ffirmaw l-petizzjoni meta l-aħħar li ħallsu t-tessera tagħhom kien fl-2017 jew fl-2018. Dawn jinkludu 3 mill-5 membri li  ppreżentaw il-petizzjoni b’konferenza stampa u li wieġbu għall-istqarrija tal-President tal-Kunsill Ġenerali. Kienu xhur u snin biex it-tessera setgħet tħallset bil-kumdita kollha jew onlajn jew għand il-Kumitat Sezzjonali jew id-Dar Ċentrali. Xi wħud baqgħu ma’ ħallsux anke meta membri tal-Kumitat marru d-dar għandhom. L-istatut jgħid ċar li “min ma jibqax tesserat fil-partit jispiċċa awtomatikament minn kull kariga li jkollu fil-partit.”

b. 23 persuna ma’ kellhom l-ebda dritt jiffirmaw bħala Kunsillieri għaliex mhumiex membri tal-Kunsill Ġenerali. Dan seta’ seħħ għaliex dawn il-persuni ma’ baqgħux fil-kariga li kienet tagħtihom dritt ta’ shħbija fil-Kunsill Ġenerali jew għaliex ma’ kienux konfermati mill-Kumitat li kien jeleġġihom għal din is-sħubija.

c. 5 firem ma’ kienux validi għaliex il-persuni li ffirmaw, kienu rrifjutaw li jħallsu t-tessera kif mitlub minnhom u allura statutorjament ma baqgħux membri tal-Kunsill Ġenerali; 

d. Kien hemm każ fejn l-isem u l-kunjom ta’ persuna ma qablux mal-karta tal-identità.

Wara l-verifiki neċessarji l-President tal-Kunsill Ġenerali għaddiet il-petizzjoni lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista kif jitlob l-istatut.

Il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jibqa’ jgħozz il-valuri tad-demokrazija, s-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-libertà tal-espressjoni jħares ‘il quddiem għal kull diskussjoni bbażata fuq il-verità tal-fatti.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan b’referenza għall-komunikat li ntbagħat iktar kmieni llum minn Ivan Bartolo lill-media kollha – komunikat maħruġ flimkien ma’ Emma Portelli Bonnici, Mark Anthony Sammut, Emvin Bartolo u Martin Musumeci.

Fl-istqarrija Ivan Bartolo qal li l-Kumitat Eżekuttiv għandu jiltaqa’ b’mod urġenti sabiex tiġi stabbilita d-data ta’ meta ser jinżamm il-Kunsill Ġenerali u jkun jista’ “jittieħed vot sigriet dwar il-mistoqsija li proponew aktar minn 150 Kunsillier tal-Partit, kif jitlob l-Istatut”. Il-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN hi pjanata għall-ġimgħa d-dieħla.