Futbol Sport

In-Niġerja u l-Eġittu l-ewwel tnejn li jgħaddu mal-aħħar 16 tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

In-Niġerja saret l-ewwel nazzjon li kkwalifikat mal-aħħar 16 tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani wara rebħa ta’ 1-0 kontra l-Guinea. Il-gowl tar-rebħa għat-tliet darbiet rebbieħa wasal fit-73 minuta meta l-korner mogħti minn Moses Simon sab lil Kenneth Omeruo li skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin. B’hekk huma għandhom sitt punti fi Grupp B wara rebħa ta’ 1-0 kontra l-Burundi fl-ewwel logħba s-Sibt li għadda. L-ewwel żewġ nazzjonijiet mis-sitt gruppi javvanzaw flimkien mal-aħjar erba’ pajjiżi li jkunu spiċċaw it-tielet.

Minn Grupp A, l-Eġittu saret it-tieni nazzjon li għadda mal-aħħar 16 wara rebħa ta’ 2-0 kontra l-Kongo. Iż-żewġ gowls waslu fl-ewwel taqsima b’Ahmed El Mohamady jiftaħ l-iskor fil-25 minuta wara li d-difiża avversarja naqset li tbiegħed il-ballun minn korner. Mohamed Salah irdoppja fit-43 minuta meta rċieva mingħand Trezeguet, ġibed il-ballun fuq ix-xellug u skorja b’xutt fuq l-ewwel lasta. Fl-ewwel logħba tagħhom, l-Eġizzjani rebħu 1-0 kontra ż-Żimbabwe.

Mill-istess grupp, l-Uganda u ż-Żimbabwe spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’Kajr. L-Uganda marret minn fuq wara 12-il minuta b’xutt mill-viċin ta’ Emmanuel Okwi wara li l-gowlkiper George Chigova kien salva parzjalment ix-xutt ta’ Lumala Abdu. Iż-Żimbabwe ġabet id-draw fl-40 minuta permezz ta’ Khama Billiat wara azzjoni tajba mix-xellug ta’ Ovidy Karuru. Iż-Żimbabwe li kienet qed timmira għat-tielet rebħa biss fil-fażi finali, għandha bżonn rebħa kontra l-Kongo l-Ħadd li ġej biex tibqa’ b’ċans li tikkwalifika mill-gruppi għall-ewwel darba.

Riżultati

Grupp A: Eġittu v Kongo 2-0, Uganda v Żimbabwe 1-1

Grupp B: Niġerja v Guinea  1-0

Logħob li jmiss

Grupp B: Madagascar v Burundi 4.30pm

Grupp Ċ: Senegal v Alġerija 7.00pm, Kenja v Tanzania 10.00pm