Unions li jirrapreżentaw lill-ħaddiema tal-Air Malta qed jinsistu biex ikollhom laqgħa mal-Gvern, u jridu garanzija bil-miktub fuq l-impjieg tal-ħaddiema li jagħmlu parti mil-linja Nazzjonali tal-Ajru.
Id-dubji komplew iqumu minħabba li kważi ġimagħtejn ilu ġie mħabbar it-twaqqif tal-Malta Air. U allura, wara din l-aħbar feġġet mill-ġdid l-inċertezza u numru ta’ ħaddiema fi ħdan l-Air Malta – mill-amministrazzjoni sal-bdoti – qed jagħmlu pressjoni mal-istess unions biex il-Gvern jagħtihom assigurazzjoni dwar il-futur tal-Air Malta.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi qalu li l-Air Malta mhux se jkollha impatt wara dan id-“deal”, għax Malta Air se tkun qed tfittex li tinvesti bħala “low cost air line”.
Madankollu dan mhux biżejjed għall-ħaddiema fl-Air Malta, u huma jridu garanazija bil-miktub li tassigura l-futur tagħhom u tal-linja Nazzjonali tal-Ajru.
Fid-dawl ta’ dan kollu t-Times of Malta rrapurtat li persuni li għandhom rwol għoli fl-Air Malta qalu li l-istess linja tal-ajru qed titmexxa b’mod ħażin, u li l-Air Malta qegħda fi triq tan-niżla.
Il-Malta Air mistennija topera 62 rotta minn pajjiżna, li huma l-istess rotot li diġà qed topera r-Ryanair.
Qabel ma ġie mħabbar dan is-servizz ġdid, ħaddiema tal-Air Malta kienu għal kollox fl-għama dwar dak li kien qed jagħmel minn wara darhom il-Ministru tat-Turiżmu.
Malta Air se tkun qed toffri servizz li se jkun qed jikkompeti ma’ dak li toffri l-linja nazzjonali tagħna, l-Air Malta. Xi ħaġa li naturalment nisslet tħassib kbir għall-ħaddiema tal-linja nazzjonali. Konrad Mizzi ħabbar li l-Gvern kien se jkun sieħeb strateġigku f’din il-linja, b’esperti fl-industrija tal-avjazzjoni jgħidu li ma jistgħx jifhmu l-iskop ta’ din il-partnership.
//= $special ?>