Lokali

“Konferma li d-demokrazija tinsab mhedda b’kultura ta’ impunità” – Adrian Delia

L-approvazzjoni tar-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa dwar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna, hija kundanna għall-Gvern Malti għall-mod kif qed jhedded id-demokrazija b’kultura ta’ impunità.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li fi stqarrija fakkar kif dan ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jsegwi dawk tal-GRECO, tal-Moneyval, u tal-Kummissjoni Venezja, l-Kummissjoni Ewropea u Transparency International, liema rapporti l-Gvern Malti għadu qed jinjora u jew iwarrab il-konklużjonijiet.  

Il-Kunsill tal-Ewropa jikkonkludi li l-proposta tal-Gvern li jaqsam l-irwol tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tonqos sew milli tilħaq l-ispirtu tar-rakkomandazzjoni li kienet saret mill-Kummissjoni Venezja. Ir-rapport jerġa’ jikkonferma l-konklużjonijiet ta’ bosta rapporti oħra li jirrimarkaw kif l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jinsabu kkontrollati mill-Gvern u l-Prim Ministru, bi tħassib fuq il-ġudikatura, bir-rapport jisħaq dwar l-appuntar ta’ persuni b’konnessjonijiet qrib ħafna mal-Partit Laburista.  

Ir-rapport jgħid li ċ-checks and balances meħtieġa biex f’pajjiżna jkollna demokrazija li taħdem tneħħew u jikkonkludi li b’dal-mod pajjiżna m’għandux iżjed demokrazija li tiffunzjona. Issir referenza għar-rapporti l-oħrajn tal-Kummissjoni Venezja u tal-GRECO li jikkonkludu kif l-istituzzjonijiet governattivi, is-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet tal-infurzar mhumiex konformi mal-istandards Ewropej tas-saltna tad-dritt. Fl-istess ħin jirrimarka kif dawn in-nuqqasijiet f’pajjiżna huma nuqqasijiet li qegħdin jolqtu lill-Ewropa kollha u għalhekk jisħaq li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jintervjenu, ġaladarba l-Gvern qed jibqa’ jkaxkar saqajh.  

id-dawl ta’ dan, Adrian Delia jirrimarka li d-deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-Prim Ministru, fosthom li jżomm fil-karigi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u lill-Ministru Konrad Mizzi, mhux biss qed jagħmlu ħsara lill-Gvern, iżda wkoll lir-reputazzjoni ta’ Malta.

Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jirrimarka fuq is-sens ta’ impunità li hawn f’pajjiżna u dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn għadu ma nstabx min kien li ordna dan il-qtil.  

Fid-dawl tal-approvazzjoni tar-rapport li qed iħeġġeġ lill-Kunsill tal-Ewropa biex jibqa’ jħares mill-qrib is-saltna tad-dritt f’pajjiżna sakemm jintlaħqu riżultat sodisfaċjenti, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li f’Malta għandha tissaħħaħ id-demokrazija u s-saltna tad-dritt, b’istituzzjonijiet li jkunu verament indipendenti u imparzjali li jassiguraw l-kontabilità u t-trasparenza.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista, se jibqa’ jaħdem sabiex jiddefendi lil Malta u jassigura li pajjiżna jerġa’ jikseb ir-reputazzjoni tajba li kien igawdi fl-istituzzjonijiet kollha Ewropej u internazzjonali.