Lokali

Konfermata l-istorja ta’ Neville Gafà

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ikkonferma li Neville Gafà – il-persuna li ismu kien implikat fl-iskandlu tal-visas medici – irraprezenta lill-Gvern f’laqgħat li saru bejn uffiċjali tal-Gvern Malti u dawk tal-Gvern Libjan.

Madankollu Muscat reġa’ ħarab milli jgħid għal-liema Ministeru jaħdem l-istess Gafà, illi kien tkeċċa mill-Ministru Chris Fearne immedjatament wara li laħaq Ministru tas-Saħħa.

Muscat ammetta li l-istess Gafà ħadem f’isem il-Gvern Malti.

B’hekk Joseph Muscat ħarab milli jghid ma’ liema Ministeru huwa impjegat Neville Gafa’.

Kif harab ukoll milli jwieġeb fuq is-saga ta’ Matthew Pace, u jekk hux se jitneħħa minn membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Dan wara li minħabba l-kunflitt ta’ interess tiegħu, il-Qorti rrevokat permess mogħti lill-Grupp DB għal żvilupp fis-sit fejn qabel kien hemm l-ITS f’Pembroke. Iżda l-Prim Ministru mill-ġdid ma ddikjarax li se jneħħiħ mill-Bord.

Fl-istess waqt li Joseph Muscat kien qed jindirizza l-midja, Matthew Pace kien assenti mil-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn gie approvat il-proġett ta’ Townsquare, f’Tas-Sliema.

B’hekk ġie evitat li, bħal fil-każ tal-proġett tad-DB, dawk li jistghu possibilment joġġezzjonaw imorru l-Qorti u jingħataw raġun abbażi tal-kunflitt ta’ interess tal-istess Matthew Pace – li ghandu kumpanija li tbigh il-proprjeta’.

Sadattant il-Prim Ministru m’eskludiex, imma qal li mhux infurmat, li seta’ kien hemm każi oħra ta’ kunflitt ta’ interess li jinvolvu lill-istess Matthew Pace.