Il-Kap tad-Dipariment tar-Riżorsi Umani tal-Isptar Monte Carmeli Doriette Debattista Fonk qalet li kienet ingħatatilha ordni biex ma tindaħalx fl-eżerċizzju tal-ingaġġ ta’ madwar 130 persuna suppost skrivani f’Monte Carmeli qabel l-aħħar elezzjoni.
Dan kien żvelat waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li llum kompliet tiskrutinja r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt għall-impjieg ta’ skrivani f’Monte Carmeli qabel l-aħħar elezzjoni. L-Oppożizzjoni hi rappreżentata mid-deputati Chris Said u Robert Cutajar waqt li l-kumitat hu presedut mid-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.
Fil-bidu tal-laqgħa ċ-Chiarman tal-Kumitat Beppe Fenech Adami qal li propju siegħa qabel bdiet il-laqħa, l-kumitat irċieva email b’rispota għal diversi mistoqsijiet lil Stephen Sultana, il-Kap Eżekuttiv ta’ Monte Crameli. Beppe Fenech Adami qal li dawn il-mistoqsijiet sarulu ġimgħa ilu mill-Kumitat (PAC) u għalhekk hu disrispett lejn il-kumitat li propju r-risposti jintbgħatu siegħa qabel tibda l-laqgħa. Dan wassal biex ħafna mill-membri ma kellhomx l-opportunità li jaraw ir-risposti. Beppe Fenech Adami irriserva d-dritt li l-Kumitat jista’ jmur għal seduta oħra u li fiha Stephen Sultana jerġa’ jinġieb jixhed.
Għall-kumment ta’ Beppe Fenech Adami, Stephen Sultana – li kien preżenti għas-seduta – wieġeb li ma kellux deadline biex jibghat ir-risposti.
Doriette Debattista Fonk HR Manager ta’ Monte Carmeli fl-2013 xehdet li dan il-kuntratt tal-igaġġ tal-iskrivani mill-kuntrattur kien inqata’ minn taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani għaliex il-ħaddiema kuntrattwali ma kienux jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-dipartiment. Joe Filletti li kien il-kuntatt mal-kuntrattur. Hi qalet li ma kinitx konsultata dwar kif kienu impjegati dawn in-nies f’Monte Carmeli minkejja li hi kienet l-HR Manager tal-istess sptar. Doriette Debattista Fonk qalet li ma tistax tgħid għaliex ma kinitx konsultata f’dan l-ingaġġ tal-iskrivani u żiedet li bħala HR Manager kellha tkun konsultata iżda ma kinitx.
Ix-xhud kompliet li fl-eżerċizzju tal-2016 ma rriżultalhiex li kien hemm bżonn ta’ skrivani ġodda. Hemm 130 persuna li jagħmlu xogħol klerikali f’Monte Carmeli bħalissa. Jirriżulta li hemm skrivan għal kull tliet pazjenti f’Monte Carmeli; propju meta l-pazjenti qed jonqsu għaliex qed imorru fil-privat.
Doriette Debattista Fonk qalet li hi qatt ma kienet parti minn bord li jintervista lill-persuni li jkunu se jiġu ngaġġati f’Monte Carmeli. Hi qalet li qatt ma kellha cvs mll-Ministeru u żvelat li s-sur Dalli ta ordni bil-miktub biex ma tinterferixxix mal-kuntrattur fl-ingaġġi tal-iskrivani.
Ix-xhud kompliet li dawn in-nies kienu taħt ir-responsabbiltà tal-kapijiet tat-taqsima rispettiva fejn jaħdmu. Hi qalet li qatt ma rat kopja tal-konklużjonijiet tal-eżerċizzju dwar l-impjiegi li dam sitt xhur.
Għal mistoqsijiet dwar il-konklużjonijiet tal-Awditur Ġenerali, ix-xhud qalet li ma kinitx taf kif qed jgħaddu l-ismijiet tal-persuni ingaġġati f’Monte Carmeli. Hi qalet li kien biss wara li saret taf li l-persuni ingaġġati ma kinux qed jintużaw għall-iskopijiet li għalihom kienu ingaġġati għax fil-proċess li dan kien qed isir hi ma kinitx involuta.
Mhux biss ma kontx involuta iżda lanqas konsultata, xehdet Debattista Fonk, li qalet li hi ma ndunatx li f’Monte Carmeli kienu ngaġġati iktar minn 100 persuna oħra għaliex dawn ma kinux jaħdmu fl-istess uffiċċju. Hi qalet li dawn ma kinux ingaġġati f’daqqa waħda u ma kinitx taf u lanqas staqsiet kif dan seħħ.
Qatt ma poġġejna u ddiskutejna l-aspett finanzjarju wara dan il-kuntratt, xehdet Debattista Fonk, li kompliet li kieku kienet konsultata, definittivament ma kinitx timpjega ħaddiema li m’humiex skrivani.
Debattista Fonk qalet li wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali ma sarx eżerċizzju formali jew laqgħat formali li hi kienet involuta fihom għalkemm il-Kap Eżekuttiv kien staqsieha xi mistoqsijiet. F’Monte Crameli jonqos iktar skrivani f’ċertu setturi fejn telqu oħrajn.
//= $special ?>