Futbol Sport

Manolas se jsir plejer ta’ Napoli u De Ligt ikompli joqrob lejn Juventus

Kostas Manolas għal ma’ Napoli u Amadou Diawara ma’ Roma. Dawn iż-żewġ trattattivi mistennija jaslu għall-konklużjoni tagħhom. Napoli mistennija jħallsu lil Roma s-somma ta’ €34 miljun filwaqt li l-valutazzjoni ta’ Diawara hi ta’ €18-il miljun flimkien ma’ €2 miljuni bonus jekk jintlaħqu l-objettivi. Manolas mistenni jiffirma kuntratt b’salarju ta’ €4.5 miljuni kull staġun filwaqt li l-ftehim bejn Diawara u Roma wasal fil-konklużjoni tiegħu.

Juventus eqreb lejn De Ligt

Juventus għamlu l-objettiv tagħhom ċar hekk kif laħqu ftehim personali mad-difensur Olandiż Matthijs de Ligt. Il-qbil hu fuq kuntratt ta’ ħames snin b’salarju ta’ €12-il miljun u bi klawsola ta’ €150 miljun. Jonqos biex Juventus jilħqu ftehim mal-klabb tiegħu Ajax. Iċ-champions Olandiżi jibdew minn talba ta’ €75 miljun, ċifra li Paris Saint-Germain huma lesti li jonfqu.

Inter jilħqu ftehim għal Lazaro

Inter ukoll jinsabu attivi biex isaħħu l-iskwadra hekk kif laħqu ftehim ma’ Hertha Berlin għal Lazaro. Il-ftehim mal-plejer ilu li ntlaħaq iżda l-Ġermaniżi bdew iżommu sod fuq ir-rikjesta ta’ €25 miljun filwaqt li Inter kienu qed jaslu sa €20 miljun u ntlaħaq qbil fuq €22 miljun. Hu jilgħab fuq in-naħa leminija u għalhekk se jkun utilizzat fis-sistema ta’ 3-5-2 tal-kowċ il-ġdid tagħhom.

Intant, Inter jidher li bdew ukoll il-moviment tagħhom biex jippruvaw jakkwistaw lil Romelu Lukaku mingħand Manchester United. Jidher li l-klabb Taljan se jipprova jagħmel offerta ta’ self għal sentejn għal €10 miljuni, b’obbligazzjoni li jakkwistaw il-plejer għal €60 miljun.

PSG interessati f’Donnaruma

Paris Saint-Germain reġgħu xeħtu l-interess fuq Gianluigi Donnarumma. Huma qed jikkunsidraw lill-gowlkiper ta’ Milan €50 miljun u lesti li jinkludu lill-gowlkiper Alphonse Areola b’valutazzjoni ta’ €30 miljun.