Lokali

Mara ssofri ġrieħi gravi

Mara ta’ 31 sena mill-Belt Valletta sofriet ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku waqt li kienet passiġġiera fuq mutur.

L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar fi Triq Dun Karm, Birkirkara.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post, fejn minn stħarriġ preliminari illi sar irriżulta li raġel ta’ 58 sena residenti Birkirkara x’aktarx tilef il-kontrol tal-mutur li kien qiegħed isuq, tat-tip Honda, u waqa’. Flimkien miegħu kien hemm mara ta’ 31 sena residenti l-Belt Valletta.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-Isptar Mater Dei sabiex tingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.