Lokali

Misruqa “oġġetti ta’ valur” mill-post fejn krolla l-ħajt

Waħda mir-residenti ta’ blokka f’Gwardamanġia li spiċċaw bla dar minħabba xogħol ta’ skavar tkellmet mal-Moviment Graffitti dwar is-sitwazzjoni tal-waħx li għaddejjin minnha hi u l-familjari tagħha, hekk kif spiċċat misruqa.

Fil-fatt fl-aħħar sigħat hi ndunat li nsterqu xi oġġetti ta’ valur minn dak li fadal minn darha.

Skont il-Moviment Graffiti, meta għamlet rapport l-għassa ġiet milqugħa minn pulizija li rrabjaw magħha għax “qed tippretendi żżejjed.” Il-ħaddiema li hemm jaħdmu fuq is-sit biswit (minkejja r-riskju ta’ aktar ċedimenti fil-binja ta’ dawn ir-residenti) ma ġewx interrogati dwar l-affarijiet li nsterqu mid-djar minħabba li l-pulizija stess ma ngħatawx l-awtorità jagħmlu dan.

Jidher illi x’ħin ir-residenta marret lura fuq is-sit tal-kostruzzjoni u talbet li jieqaf ix-xogħol sakemm jaslu l-pulizija, il-perit tal-Qorti ċempel biex jgħidilha li “hu biss jagħti l-ordnijiet” u biex “ma taħlilux ħinu”. Il-perit ta’ dawn ir-residenti ma tħalliex jagħmel l-ispezzjonijiet tiegħu fuq il-post; se jitħalla biss jidħol għada wara li l-kuntrattur bena ħajt u tefa xi konkos fil-blat taħt il-bini, biex jgħatti x-xquq.