Ikompli jaslu iktar immigranti f’pajjiżna…hekk kif għall-ħabta tal-erbgħa, iddaħħlu Malta 66 immigrant ieħor abbord il-patrol boat P24.
Dan wara li aktar kmieni matul il-jum, l-immigranti ġew salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Dawn l-immigranti sejħu għall-għajnuna meta kienu abbord dgħajsa fl-ibħra territorjali Maltin. Huma kienu trasferiti fuq dgħajsa tal-AFM… biex imbagħad aktar tard iddaħħlu f’Xatt it-Tiben, fejn bdiet ħidma biex tiġi stabbilita l-identità ta’ dawn il-persuni.

Din l-aħħar wasla qed tkompli żżid mal-mewġa ta’ immigranti li qed jaslu f’pajjiżna. Dan hekk kif fil-lejl bejn is-Sibt u l-Ħadd il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 37 immigrant ieħor li talbu għall-għajnuna waqt li kienu f’żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.
Dan ifisser li fl-aħħar xhur f’pajjizna ddaħħlu kważi 830 immigrant.
Huwa evidenti li t-temp kalm fil-Mediterran qed jgħin mhux ftit biex jiġu aġevolati r-rotot tal-vjaġġi klandestini, partikolarment lejn Malta u l-Italja. Fil-każ tal-Italja, il-Viċi Prim Ministru Taljan Matteo Salvini qed jibqa’ jżomm pożizzjoni iebsa li jagħlaq il-portijiet u jimblokka l-wasliet tal-immigranti. Filfatt il-bastiment Sea Watch 3 ilu 14-il ġurnata bi 42 immigranti abbord jistenna biex jidħol fil-port ta’ Lampedusa.
//= $special ?>