Lokali Qorti

Proċedura li damet xejn anqas minn 17-il sena swiet lill-Avukat Generali €10,000

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lill-Avukat Ġenerali jħallas is-somma ta’ €10,000 f’danni morali lil Antonio Gatt wara li nstab li ma kienx ħati fl-akkużi kollha miġjuba kontrih, u minhabba li dan il-każ ħa ammont twil ta’ żmien biex jiġi konkluż. Din is-sentenza tista’ titqies bħala waħda importanti meta wieħed iqis l-ammont ta’ kumpens mogħti mill-Qorti.

Il-proċedura kriminali bdew mill-Pulizija fit-23 ta’ April tal-2001, fejn Gatt ġie akkużat bit-traffikar tad-droga. Antonio Gatt instab mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih fil-11 ta’ Lulju 2018 – aktar minn 17-il sena wara l-bidu tal-proċeduri.

Għal 15-il sena, l-applikant kien soġġett għal diversi kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest, inkluż li kellu jkun id-dar sal-11.30pm u jiffirma darba fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija.

Antonio Gatt ressaq rikors għal Kostituzzjoni kontra l-Avukat Ġenerali, fejn sostna li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust ġie miksur minħabba ammont mhux raġonevoli ta’ żmien li ħa l-proċeduri.

L-Imħallef Robert G Mangion fis-sentenza ddeċieda favur Gatt, waqt li enfasizza li l-proċeduri kriminali m’għandhomx jieħdu daqstant żmien, anke minħabba l-ħsara morali li jikkawżaw lil persuna li tkun għaddejja minn proċeduri kriminali. Dr Joseph Giglio u Dr Sarah Mifsud dehru għal Antonio Gatt.

Tags