Lokali

Salvu Grima jingħata l-aħħar tislima

Dalgħodu fil-Bażilika ta’ Birkirkara ngħatat l-aħħar tislima lil Salvu Grima, missier ta’ tlett itfal li tilef ħajtu l-Ħadd li għadda wara li waqa’ fil-baħar fiċ-Ċirkewwa waqt li kien qed jistad.

Salvu, li kien magħruf bħala l-Palaw, kellu 71 sena

F’Bażilika ppakkjata bin-nies, Salvu Grima kien deskritt bħala persuna li jħobb il-proxxmu u lill-famlija… b’mod partikolari lin-neputijiet li kien iqatta’ ħafna ħin magħhom għax kienu l-mimmi ta’ għajnejh.

Huwa kien dilettant kbir tal-piroteknika u anke tas-sajd.

Salvu Grima, li kien bennej, kien persuna dejjem bi tbissima fuq fommu u f’qalbu kellu post speċjali għal Santa Liena. Filfatt fl-omelija tieghu ċ-Ċelebrant rrakkonta ġrajja qasira ta’ meta hu u Salvu marru l-Vatikan flimkien u l-ewwel ħaġa li kien qal Salvu hekk kif wasal kienet “fejn hi Santa Liena”.

Apparti l-qraba u l-ħbieb, fuq iz-zuntier kien hemm preżenti wkoll numru ta’ bandisti li sellmu l-memorja ta’ dan ir-raġel Karkariż.

Salvu tilef ħajtu l-Ħadd li għadda meta flimkien ma’ sieħbu kienu qed jistadu bil-qasba minn fuq il-blat. Fil-fatt, l-anzjan miet quddiem għajnejn il-ħabib tiegħu, hekk kif f’mument minnhom huwa spicca waqa’ fil-baħar.

L-aħbar kienet nikktet lil ħafna, bil-Kumitat tan-Nar ta’ Birkirkara jfakkar lil Grima bħala raġel li għal snin twal ta s-sehem tiegħu fil-Piroteknika. U kien ukoll detentur tal-permess tal-post tan-nar.