Formula 1 Sport

Bottas u Verstappen involuti f’inċidenti separati fit-tieni sessjoni ta’ provi liberi

(Ritratt: EPA)

Valtteri Bottas u Max Verstappen ħabtu t-tnejn filwaqt li Sebastian Vettel evita ħabta wara li tilef il-kontroll fit-tieni sessjoni ta’ prattika bi preparazzjoni għat-tellieqa fl-Awstrija. Charles Leclerc spiċċa fuq quddiem f’sessjoni li ftit mill-aħjar sewwieqa għamlu d-dawriet fuq ftit fuel.

Verstappen ħabat l-ewwel meta tilef il-kontroll tal-karozza fl-aħħar kantuniera u baqa’ dieħel fil-barrikati. Ftit minuti wara, Bottas ukoll daħal fil-barrieri wara li tilef il-kontroll tal-Mercedes tiegħu fil-ħames kantuniera. Iż-żewġ sewwieqa ma weġġgħux fl-inċidenti, bis-sessjoni titwaqqaf fiż-żewġ okkażjonijiet.

Sebastian Vettel kważi kellu l-istess destin ta’ Bottas iżda evita l-barrieri f’dik li kienet se tkun l-aktar dawra veloċi tiegħu, bl-unika ħsara tkun fit-tyres. Leclerc u Pierre Gasly kienu l-uniċi sewwieqa li għamlu ħin fuq tyres soft. Bottas baqa’ fit-tieni post minħabba ħin veloċi aktar kmieni fis-sessjoni, b’Lewis Hamilton itemm fir-raba’ post, b’distakk ta’ 0.4 ta’ sekonda minkejja li l-aħjar ħin wasal fuq it-tyres iebsin.

Tags