Għandna bżonn li pajjiżna jattira aktar investiment li fost l-oħrajn, iħares ‘il quddiem b’intelliġenza.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem attività li matulha kienet inawgurata estensjoni tal-fabbrika tal-kumpanija Toly.
Din il-kumpanija fetħet f’pajjiżna kważi 50 sena ilu b’impenn dakinhar li timpjega 40 persuna. U llum, grazzi għal diversi aġġornamenti fil-ħidma tagħha, timpjega mijiet ta’ persuni.
Il-familja li welldet lil Toly f’Malta kienet ħarbet minn pajjiżha u sabet kenn fostna fl-1969 – sentejn qabel ma nfetħu l-bibien tal-ewwel fabbrika tagħha.
Andy Gatesy, iċ-Chairman u Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, spjega li l-ideal tagħhom dejjem kien li jaġixxu daqslikieku huma familja kbira. Tenna li l-familja tiegħu temmen li xejn ma hu aktar importanti milli wieħed jaġixxi ta’ familja ma’ dawk ta’ madwaru.
Hu spjega l-viżjoni tal-familja u tat-tmexxija tal-kunpanija, li s-suċċess jiġi meta wieħed ikollu l-intenzjoni li jbiddel. U min-naħa l-oħra, il-biża’ mit-tibdil twassal biss għall-falliment.
Filwaqt li tenna l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia fakkar kif sa minn għexieren ta’ snin ilu, Gvernijiet Nazzjonalisti dejjem emmnu li għandhom iġibu l-aħjar u l-akbar investimenti lejn pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern għandu jara li jsir dak kollu possibbli biex ikun imħares dejjem l-investiment barrani li għandna f’Malta u f’Għawdex.