L-Istati Uniti żammet ir-rekord pożittiv meta eliminat lill-organizzaturi Franza f’Parc des Princes. B’din il-kwalifikazzjoni, l-Amerikani għaddew għas-semifinali f’kull edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja. Iċ-champions tad-dinja kienu aħjar mill-avversarji komplessivament anki jekk wara l-ewwel gowl fl-ewwel taqsima naqsu ftit mir-ritmu tagħhom.
Huma kellhom bżonn ħames minuti biex fetħu l-iskor bi free-kick ta’ Megan Rapinoe mix-xellug, bix-xutt b’saħħtu u fil-baxx tal-plejer offensiva jgħaddi minn qalb diversi plejers u għeleb lil Sarah Bouhaddi. Franza ħadet aktar pussess wara dan il-gowl iżda ftit kienet ta’ periklu għall-gowlkiper Amerikana.
It-tim ta’ Jill Ellis ħareġ b’saħħtu fil-bidu tat-tieni taqsima u wara xi azzjonijiet perikolużi rdoppja f’nofs it-taqsima. Kienet azzjoni maħduma fuq in-naħa leminija, b’Tobin Heath tavvanza u tefgħet kross fil-baxx lejn l-iżmarkata Megan Rapinoe li b’xutt fil-ġirja minn qagħda ideali, skorjat il-ħames gowl tagħha f’din l-edizzjoni.
Il-Franċiżi dehru demoralizzati u kienu għoddhom sofrew it-tielet gowl fis-76 minuta iżda Crystal Dunn kienet f’pożizzjoni ta’ offside meta tefgħet il-kross lejn Heath. Il-logħba nfetħet ħames minuti wara bi free-kick mix-xellug ta’ Gaetane Thiney isib lid-difensur Wendie Renard li b’daqqa ta’ ras b’saħħitha tat tama lil Franza.
Huma appellaw għal penalty fil-85 minuta meta kross ta’ Amel Majri deher jaħbat ma’ id Kelley O’Hara iżda r-referee ħalliet il-logħob għaddej. L-Amerikani rnexxielhom jassorbu l-pressjoni sat-tmiem.
Kwarti tal-finali:Italja v Olanda 3.00pm, Ġermanja v Żvezja 6.30pm
//= $special ?>