Futbol Sport

Gżira United jakkwistaw lil Jefferson de Assis, Ntow jiffirma ma’ Birkirkara

Gżira United komplew jaħdmu biex joffru skwadra kompetittiva lill-kowċ Giovanni Tedesco hekk kif ħabbru l-akkwist tal-attakkant Brażiljan Jefferson mingħand Sliema Wanderers. Jefferson de Assis inġieb f’pajjiżna mis-Slimiżi fis-sajf tal-2017 u kien ħalla impatt immedjat.

Wara li kien sofra minn xi injuries, ir-rendiment tal-plejer ta’ 24 sena naqqas u fit-tieni parti tal-istaġun li għadda kien lagħab fil-kampjonat Għawdxi ma’ Nadur Youngsters. Jefferson jispikka l-aktar għas-saħħa li għandu u żgur li se jkun pedina importanti fl-attakk flimkien ma’ Amadou Samb. Hu ffirma kuntratt ta’ ħames snin. Gżira ħabbru wkoll l-akkwist tal-midfielder avvanza mill-Kosta tal-Avorju Olatunde Adeyemo.

Intant il-Maroons se jiddeċiedu dwar il-futur tat-Taljan Gianmarco Conti wara l-impenji tal-Europa League. Il-midfielder ta’ 27 sena rritorna ma’ Gżira f’Jannar li għadda wara esperjenza mal-klabb fl-istaġun 2016/17.

BIRKIRKARA – Aktar akkwisti minn Birkirkara hekk kif ħabbru l-kisba ta’ Isaac Ntow li ffirma kuntratt ta’ tliet snin. Id-difensur laterali xellugi lagħab l-ewwel staġun tiegħu f’pajjiżna ma’ Hibernians u għen lit-tim biex jasal sat-tieni post fil-kampjonat. Dan l-akkwist jagħti aktar għażla lill-kowċ John Buttigieg hekk kif fuq l-istess naħa hemm Clayton Failla u Kurt Zammit.

HIBERNIANS – Bħalissa ma’ Hibernians attakkant Olandiż ta’ 22 sena bl-isem ta’ Terence Groothusen. Riċentament il-plejer kien qed jilgħab ma’ FC Dordrecht iżda l-kuntratt ma kienx imġedded wara injury serja li kien sofra l-plejer. Jidher li dan il-plejer ħalla impressjoni tajba hekk kif skorja doppjetta fit-telfa ta’ 3-2 li Hibernians sofrew kontra Gżira United f’partita ta’ ħbiberija lbieraħ.

SENGLEA – Il-gowlkiper Matthew Farrugia se jibqa’ ma’ Senglea wara li ġedded il-kuntratt mal-klabb. Farrugia li għandu 34 sena, kien il-gowlkiper regolari tat-tim u b’hekk il-klabb għalaq il-ħidma fil-gowlkipers wara l-akkwisti.