Il-Brażil tinsab fis-semifinali tal-Copa America wara li rebħet 4-3 bl-għoti tal-penalties kontra l-Paragwaj quddiem 48,000 partitarju f’Arena Gremio. L-eroj tat-tim kien żgur il-gowlkiper Alisson Becker li salva l-ewwel penalty mogħti minn Gustavo Gomez li witta t-triq għar-rebħa Brażiljana.
B’hekk it-tim Brażiljan baqa’ b’ċans li jirbaħ il-Copa America għall-ewwel darba mill-2007 hekk kif din l-edizzjoni qed tintlagħab proprju fil-Brażil. L-avversarji tagħhom ikunu l-Venezwela jew l-Arġentina li jilagħbu f’Rio de Janeiro. Għat-tim immexxi minn Tite, din kienet tpattija sportiva wara li fl-aħħar darbtejn li t-timijiet iltaqgħu fil-kwarti tal-finali tal-Copa America fl-2011 u fl-2015, il-Brażil tilfet fiż-żewġ okkażjonijiet bl-għoti tal-penalties.
Il-Paragwaj kellha tkompli l-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa d-difensur Fabian Balbuena fit-58 minuta għal fawl li fil-bidu ġie ordnat bħala penalty iżda wara konsultazzjoni mal-VAR ingħata free-kick. Il-Brażil ikkontrollat il-pussess iżda naqset li toħloq opportunitajiet. Wara t-tkeċċija ta’ Balbuena, il-Brażil ippressat u kellha ċ-ċans li tiskorja permezz ta’ Gabriel Jesus, Coutinho, Everton u Roberto Firmino iżda kollha fallew opportunitajiet quddiem il-lasta.
Bl-iskor jibqa’ ma jinfetaħx bil-logħbiet għaddiet dirett għall-għoti tal-penalties. Fl-ewwel xutt, Alisson intefa’ fuq in-naħa xellugija tiegħu biex salva l-penalty tad-difensur Gustavo Gomez. Willian skorja l-ewwel penalty għat-tim Brażiljan b’xutt preċiż fuq il-lemin tiegħu. Miguel Almiron tefa’ lil Alisson in-naħa l-oħra tal-ballun iżda Marquinhos skorja minkejja li Roberto Fernandez mess il-ballun.
Il-Paragwaj skorjat permezz ta’ xutt b’saħħtu minn Bruno Valdez u Philippe Coutinho kien preċiż b’xutt fil-baxx. Rodrigo Rojas għeleb lil Alisson b’konklużjoni fis-saqaf tax-xibka iżda Roberto Firmino xeħet barra għat-tim Brażiljan. Derlis Gonzalez inkariga ruħu b’ċans li l-Paragwaj tibqa’ tittama iżda ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra, biex Gabriel Jesus skorja l-penalty deċiżiv.
//= $special ?>