Lokali

Il-liġi saret b’għaġla; aktar minn 2,000 sit bix-xogħol wieqaf

L-intervista mal-President tal-MDA, Sandro Chetcti

F’kummenti li ta lil NET News, il-President tal-Assoċċjazzjoni Żvillupaturi Maltin – MDA – Sandro Chetcuti, qal li l-liġi l-ġdida saret b’għaġla u li aktar minn 2000 sit ta’ kostruzzjoni bħalissa jinsab bix-xogħol wieqaf.

Sidien ta’ propjetà qed ikomplu jsofru inċertezza kawża tal-Avviż Legali dwar ir-regolamenti tal-bini li l-Gvern ħareġ b’mod mgħaġġel din il-ġimgħa.

Dan l-Avviż Legali qed ikompli jkun ta’ problema għas-sidien tal-propjetà, il-periti, il-kuntratturi u l-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur tal-bini bl-aktar li jmorru minn taħt ikunu s-sidien li qed ikollhom jibdew ħafna mill-proċessi mill-ġdid filwaqt li jħallsu aktar flus. Dan filwaqt li għal ħafna, ix-xogħol ma jistax jitkompla qabel ir-regolamenti kollha fl-Avviż Legali jiġu onorati.

Qed tinħoloq ukoll kontroversja sħiħa dwar l-irwol il-ġdid tal-Uffiċjal Tekniku li sakemm jiġi appuntat, ħafna mix-xogħol ma jistax jitkompla.

Dawn ir-regoli l-ġodda ħarġu fl-aħħar jiem wara li numru ta’ siti ta’ kostruzzjoni kkawżaw ħsarat kbar fi propjetà ta’ terzi persuni kif ukoll ipperikolaw il-ħajja ta’ ħafna – Madanakollu l-Gvern ħareġ dan l-Avviż Legali wara biss 5 t’ijiem ta’ konsultazzjoni anke jekk il-Kamra tal-Periti opponiet id-dettalji tiegħu.

Wara li kien komunikat dan l-avviż, il-Kamra tal-Periti ħarġet direttiva bi struzzjoni lill-membri kollha biex jirrispettaw strettament ir-regolamenti l-ġodda u għalekk ħafna mix-xogħol jinsab staġnat.

Ftit jiem qabel ħareġ dan l-avviż, l-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini – BRO – qalu li bħalissa hemm madwar 2,500 sit ta’ kostruzzjoni miftuħ filwaqt li l-Kamra tal-Periti qalet li f’Malta hawn madwar 1,100 perit u huma biss ftit anqas minn nofshom li jaħdmu direttament fl-industrija tal-kostruzzjoni.