Futbol Sport

Il-Marokk mal-aħħar 16 b’rebħa fil-konfront dirett kontra l-Kosta tal-Avorju

(Gavin Barker/EPA)

Il-Marokk għaddiet mal-aħħar 16 tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani b’rebħa ta’ 1-0 kontra l-Kosta tal-Avorju fi Grupp D. Il-gowl li ddeċieda l-konfront wasal fit-23 minuta b’Youssef En-Nesyri jiskorja wara li rċieva passaġġ intelliġenti mingħand Nordin Amrabat.

Il-Marokk ittemm il-grupp b’logħba kontra l-Afrika ta’ Isfel filwaqt li l-Kosta tal-Avorju tilgħab kontra n-Namibia. Il-Marokkini jistgħu jintlaħqu kemm mill-Kosta tal-Avorju u l-Afrika ta’ Isfel iżda huma diġà assigurati tal-anqas bħala wieħed mill-aħjar timijiet tat-tielet post. Il-Kosta tal-Avorju li kellhom lil Wilfried Zaha li tħalla fuq il-bank, setgħu ġabu d-draw permezz ta’ Max Gradel iżda l-gowlkiper Yassine Bounou ħareġ minn fuq il-linja u biegħed il-periklu.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, l-Afrika ta’ Isfel rebħet 1-0 kontra n-Namibia. Il-gowl rebbieħ wasal fit-68 minuta b’Percy Tau jqassam lejn Bongani Zungu li skorja b’daqqa ta’ ras.

Minn Grupp E, il-captain tat-Tuneżija Wahbi Khazri salva punt fi draw ta’ 1-1 kontra l-Mali. Diadie Samassekou kien fetaħ l-iskor mas-siegħa logħob b’korner dirett li nħakem mir-riħ u ħarab minn idejn il-gowlkiper Mouez Hassan biex spiċċa fix-xibka.

Khazri ġab id-draw għaxar minuti wara meta l-free-kick tiegħu ġie mxellef minn plejer fil-barriera u ma tax ċans lill-gowlkiper Djigui Diarra. It-tieni draw konsekuttiv tħallihom b’żewġ punti filwaqt li l-Mali għandha erba’ punti wara r-rebħa kontra l-Mauritania fl-ewwel logħba.

Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikana

Grupp D: Marokk v Kosta tal-Avorju 1-0, Afrika ta’ Isfel v Namibia 1-0

Grupp E: Tuneżija v Mali 1-1

Logħob li jmiss

Grupp E: Mauritania v Angola 4.30pm

Grupp F: Kamerun v Ghana 7.00pm, Benin v Guinea-Bissau  10.00pm