Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers qalet li tinsab ferm iddiżappuntata bil-kontroproposti li l-Gvern issottometta din il-ġimgħa dwar il-professjonisti tas-saħħa tal-Allied Health.
Dawn jinkludu 10 professjonijiet tas-saħħa – Dental Technologists, Dental Hygienists, Fiżjoterapisti, Medical Laboratory Scientists, Occupational Therapists, Podiatrists, Radiographers u Speech Therapists.
Fl-2017, il-UĦM Voice of the Workers kienet bagħtet dokument bi proposti ġodda sabiex jiġi nnegozjat ftehim settorali ġdid, dokument li kien joffri karrieri u kundizzjonijiet xierqa għaż-żminijiet tal-llum.
Sfortunatament, jidher li l-Gvern wara sentejn ta’ waqfien minn diskussjoni bagħat proposti li mhux biss ipoġġi lil dawn l-Allied Health Professionalsf’sitwazzjoni agħar minn professjonisti inqas ikkwalifikati minnhom, imma lanqas ma żamm mal-istess parametri ta’ klassijiet li normalment jintużaw, kompiet tgħid l-istqarrija.
Saħansitra, ħaddiema tal-Gvern li m’humiex professjonisti, huma iktar vantaġġjati fl-iskali u fil-perkaċċi minn dawn il-ħaddiema qalet il-UĦM.
Din il-Union tinsab ferm imħassba għall-fatt li ftit tax-xhur ilu l-Gvern aċċetta li union oħra nvoluta fin-negozjati kontra l-proċedura u dan qed iwassal sabiex il-proċess jitwal ħafna. Dan b’konsegwenza li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet ferm inferjuri minn dawk li qed tipproponi l-UĦM.
L-istqarrija kompliet tgħid li għaldaqstant, il-UĦM Voice of the Workers bdiet proċess sabiex il-Gvern jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu u jinnegozja bil-għaqal pakkett b’kundizzjonijiet li jirriflettu l-professjonalità kif ukoll il-kompetenza ta’ dawn il-professjonisti mingħajr indħil.
Li hu żgur hu li l-Gvern m’għandux jibqa’ jinħeba wara xi proposti li huma ferm inqas minn dak li ħaqqhom dawn il-professjonisti, temmet tgħid din l-istqarrija.
//= $special ?>

