Ftit jiem biss wara l-ħruġ ta’ regolamenti dwar il-qasam tal-Kostruzzjoni, il-Ministru Ian Borg sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet oħra biex jiċċara ċertu affarijiet li ħolqu diżgwid fuq il-lantijiet tax-xogħol.
B’kuntrast ma’ dak li rrappurtaw ħafna sidien, Ian Borg qal mhux veru li kollox jinsab wieqaf u qal li f’dawn l-erbat ijiem daħlu 318-il method statement kif mitlub mir-regolamenti maħruġa it-Tlieta li għadda. Dan meta fi kliem il-Kap tal-Uffiċċju tar-Regolamentazzjoni tal-Bini, hemm mill inqas 2,500 sit tal-kostruzzjoni miftuħ.
Ħabbar ukoll li minkejja li l-Avviż Legali lanqas ilu ġimgħa li ġie ippubblikat, il-Gvern diġa’ se jagħmel xi bidliet, b’mod partikolari fi skeda 3 bil-ħsieb li l-Uffiċjal Tekniku Fuq is-Sit mhux biss ikun perit iżda wkoll lil Inġinieri u gradwati fil-BSc fl-Inġinerija tal-Kostruzzjoni mill-MCAST. Mistoqsi meta se ssir din il-bidla, il-Ministru wieġeb li qed jistenna kummenti mill-Kamra tal-Periti fis-siegħat li ġejjin biex imbagħad isiru l-emendi fir-Regolamenti.C
Staqsejnih ukoll dwar il-konfużjoni fl-interpretazzjoni fil-liġi, fejn il-President tal-MDA Sandro Chetcuti qed jgħid li r-Regolamenti japplikaw biss għal siti fejn qed isir twaqqiegħ u tħaffir filwaqt li periti qed isostnu li l-liġi tinkludi wkoll siti fejn għaddej il-bini nnifsu. Il-Ministru Ian Borg ikkonferma li r-Regolamenti jinkludu wkoll siti fejn għaddej il-bini.
Il-Ministru Ian Borg irrefera wkoll għal laqgħa li kellu l-Ħamis mal-Kamra tal-Periti. Hu qal li filwaqt li kien hemm min qara l-liġi, hemm oħrajn li għandhom bżonn ikellmu Avukat
Mistoqsi dwar rapporti minn periti li qed jiġu taħt pressjoni minn żviluppaturi u kuntratturi biex japplikaw l-eżenjoni fir-Regolamenti u fejn kienu saħansitra mhedda kemm personalment kif ukoll b’azzjonijiet legali, il-Ministru wieġeb li theddid vjolenti għandu jiġi rappurtat lill-Kummissarju tal-Pulizija u theddid ieħor jiġi injorat.
Sadanittant il-Ministeru ippubblikat fuljett ta’ 9 mistoqsijiet komuni bil-għan li jiċċaraw diffikultajiet li nqalgħu.