Lokali

Jittella’ l-ħajt li ġġarraf fi Gwardamanga

Wara kważi tliet ġimgħat, binja fi Gwardamanga li spiċċat mheżża minħabba xogħol ta’ skavar u bini li kien qed qed isir bieb ma’ bieb magħha fl-aħħar ittellalha l-ħajt li ġġarraf.

U fl-aħħar sigħat qabel ma ttella’ l-ħajt, residenta allegat li l-appartament li l-aktar intlaqat, kien ukoll fil-mira ta’ xi ħallelin. Fil-fatt, ir-residenta qalet li nsterqu xi oġġetti ta’ valur minn dak li kien fadlilha.

Ir-residenta nnutat kif il-ħaddiema li qed jaħdmu fis-sit biswit, minkejja r-riskju ta’ aktar ċediment, ma ġewx interrogati dwar l-affarijiet li allegatament insterqu għax il-Pulizija qalulhom li ma ngħatawx l-awtorità biex jagħmlu dan.

U dan minkejja li rrikonoxxiet il-fatt li membri tal-Korp kienu jkunu preżenti quddiem il-binja milquta.

Kompliet li ċanfarha wkoll il-Perit tal-Qorti meta marret titlob biex jitwaqqaf ix-xogħol għax qalilha li hu biss jagħti l-ordnijiet u biex ma taħlilux ħin.

Min-naħa l-oħra, il-Perit tar-residenti ma tħalliex jispezzjona l-postijiet qabel ma jittella’ l-ħajt li ġġarraf għax qalulu li mhux sigur. Fil-fatt, il-Ġimgħa, ittella’ l-ħajt li għalaq it-toqba li nfetħet fl-appoġġ. Barra minnhekk, tpoġġa wkoll il-konkos biex issaħħaħ il-binja li theżżet bix-xogħolijiet.